Wednesday, October 9, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bil-pussess tad-droga

Aqra wkoll

Raġel li allegatament inqabad fil-pussess ta’ qratas bid-droga fil-Marsa nżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Il-Qorti semgħet kif it-Tlieta li għadda, għall-ħabta tat-8.30 p.m., il-pulizija li kienu qed jagħmlu ronda fl-inħawi ta’ Triq is-Salib tal-Marsa, innotaw lir-raġel, li aktar tard ġie identifikat bħala Ahmed Omer Hassan Masoud, li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż.

L-imputat, li huwa Sudaniż u għandu 28 sena, instab fil-pussess ta’ 49 qartas mimlija b’sustanza ħadra allegatament kannabis, flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti.

Masoud, iktar kmieni llum, tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn ġie mixli bil-pussess tad-droga, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, liema allegat reat huwa aggravat mill-fatt li sar f’100 metru bogħod minn iffrekwentat miż-żgħażagħ.

Wara li ċaħad l-akkużi, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li fl-istqarrija tiegħu, l-imputat stqarr li ma kellu l-ebda residenza fissa u kien qed imur jorqod għand sieħbu. Barra minn hekk kien għad fadal xhieda oħra li għad iridu jixhdu.

Il-Maġistrat Montebello ċaħdet it-talba u ordnat li l-imputat jibqa’ miżmum taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Cremona. L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia deher għall-imputat.

Sport