Saturday, December 21, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ħaraq karozza

Aqra wkoll

Jonathan Lee Borg ta’ 38 sena mill-Ħamrun inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li qabbad karozza fi sbatax ta’ Marzu li għadda, kif ukoll li huwa riċediv. 

Il-każ seħħ is-17 ta’ Marzu li għadda, meta għal xi t-3:00 a.m, il-Pulizija flimkien mal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jassistu fi Triq il-Bajjada, il-Marsa peress li kien hemm vettura qed taqbad. 

Wara li ntfew in-nirien, minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella li ħatret inkjesta. Mill-istħarriġ li sar u wara li ġew analizzati diversi filmati minn kameras tas-sigurtà, irriżulta li l-karozza, Toyota IQ, ingħatat in-nar. 

Fil-Qorti nstema kif mill-filmati ta’ kameras tas-sigurtà, Borg allegatament deher joħroġ barra mid-dar tiegħu, jaqbad karozza tal-linja u jasal fuq il-post fejn sar ir-reat.

Il-prosekuzzjoni spjegat li mill-kameras il-Pulizija segwewh sad-dar tiegħu. Wara saret tfittxija u minn hemm instabu l-ħwejjeġ li kien liebes waqt ir-reat. Ingħad li Borrg ġie arrestat ħdejn iċ-ċentru tad-Detox fi Gwardamanġa.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li qalet li Borg ma kkoperax fl-investigazzjonijiet u nnutat li ma kienx affidabbli.  Il-Qorti ċaħdet din it-talba u l-imputat baqa’ jinżamm arrestat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras, Jeffrey Scicluna u Andy Rotin.

Ekonomija

Sport