Thursday, December 26, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li stupra Pollakka

Aqra wkoll

Raġel ta’ 27 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li stupra mara Pollakka, wara li ltaqa’ magħha fuq app tal-‘couchsurfing’.

Saliou Balde mis-Senegal iżda residenti l-Marsa tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ir-raġel, li ilu jgħix f’pajjiżna għal dawn l-aħħar tmien snin, kien mixli bi stupru u li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma.

L-Ispettur John Spiteri, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tar-raġel. Qal li fl-10 ta’ Lulju, il-mara Pollakka għamlet rapport fl-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn spjegat li hija kienet qiegħda tagħmel backpacking (tivvjaġġa minn post għall-ieħor b’basket ma’ dahra) f’Malta u riedet tivvjaġġa madwar l-Ewropea.

Hija kienet qalet lill-pulizija li kienet tkellmet ma’ Balde permezz tal-couchsurfing app, u kien provdielha kamra fir-residenza tiegħu biex tqatta’ l-lejl hemmhekk.

Ġara iżda li meta waslet f’din il-proprjetà, għall-ħabta tal-10.00 p.m. tal-4 ta’ Lulju, hija skopriet li kellha toqgħod fl-istess sodda mal-imputat. Minħabba li ma kienx hemm akkomodazzjoni oħra disponibbli, il-mara daħlet torqod u allegatament l-imputat għamel avvanzi sesswali fuqha u beda jmissha b’mod mhux xieraq.

L-Ispettur qal li l-imputat ma kienx ikkontradixxa l-verżjoni tal-mara iżda qal li kien jiddispjaċih u li f’dak il-lejl kien fi stat ta’ sakra. Balde kien arrestat il-Ħadd li għadda u tressaq il-Qorti lbieraħ.

Fil-kontro-eżami, l-Ispettur ikkonferma li skont l-isqarrijiet mogħtija mill-partijiet, jirriżulta li kemm l-imputat u l-allegata vittma kienu marru f’xi ħwienet flimkien qabel seħħ l-allegat inċident. Huma kkonfermaw mal-Pulizija li kienu ħadu flixkun birra flimkien u anke kkonsmaw il-kannabis.

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Balde, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi. Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba l-gravità tal-akkużi u l-fatt li l-allegata vittma għad trid tagħti x-xhieda tagħha. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur tagħha.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Elisia Scicluna megħjuna mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta dehru għall-imputat.

Ekonomija

Sport