Sunday, December 22, 2024

Jinżamm arrestat wara li kien fil-pussess ta’ 3kg droga u rreżista lill-Pulizija

Aqra wkoll

Raġel baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu 3kg droga u rreżista lill-Pulizija li marru biex jarrestawh.

Kane Grima, żagħżugħ ta’ 27 sena mill-Belt, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kellu fuqu tliet kilogrammi droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu u li kkawża ħsara li qabżet l-€2,500. Kien akkużat ukoll li saq b’mod traskurat u perikoluż, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja u li naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija. Żewġ akkużi oħra kienu relatati ma’ kundizzjonijiet miksura u li sar riċediv.

Il-każ imur lura għas-Sibt li għadda. Fil-Qorti nstema’ kif Grima ntalab mill-Pulizija sabiex jieqaf fi Triq il-Barrani fiż-Żejtun. Minkejja din l-ordni, intqal kif Grima kompla jagħfas il-pedala tal-gass u saq b’veloċità qawwija lejn il-Madliena. Fi triqtu lejn il-Madliena baqa’ dieħel f’diversi karozzi li waħda minnhom kienet tal-Pulizija u hemmhekk iż-żagħżugħ ġie arrestat.

Il-Qorti semgħet kif fi tfittxija li saret mill-Pulizija fil-karozza tal-akkużat, instabu tliet kilogrammi ta’ kannabis.

L-avukati ta’ Grima ma talbux għall-ħelsien mill-arrest; huwa qed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark A. Mercieca u John Leigh Howard.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Grima.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Ekonomija

Sport