Sunday, January 5, 2025

Jinżamm arrestat wara li ordna raġel ieħor iqabbad dgħajsa biex jaqta’ d-dejn

Aqra wkoll

Raġel ta’ 33 sena residenti Raħal Ġdid inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li s-sena li għaddiet qabbad persuna biex jagħti n-nar dgħajsa f’Tas-Sliema.

Melvin Debono, li kien barra fuq libertà proviżorja taħt erba’ digrieti preċedenti, tressaq fil-Qorti wara li l-investigazzjonijiet tal-pulizija wasslu biex jissuspettaw li kien hu l-moħħ wara dan il-ħruq.

Il-każ imur lura għad-29 ta’ Lulju 2022, meta dgħajsa li kienet irmiġġjata f’Tigne’ ngħatat in-nar għall-ħabta tas-1.30 a.m.

Ir-raġel li ta n-nar lid-dgħajsa, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien idenfitikat u eventwalment ġie arrestat u mressaq il-Qorti s-sajf li għadda. 

Filwaqt li l-proċeduri kontra dan ir-raġel kienu għaddejjin, issoktaw ukoll l-investigazzjonijiet tal-pulizija u mill-analiżi tad-data tal-mobile ta’ dik il-persuna nstabu diversi telefonati minn ċertu persuna bil-laqam “Quws”.

Eventwalment, dan il-persuna qal b’kollox lill-pulizija u kkonferma dak ir-rakkont meta xehed bil-bibien magħluqa waqt il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tiegħu. Intqal li Debono kien ordnalu biex iwettaq il-ħruq biex “jaqta’ d-dejn li kellu miegħu ta’ €500.”

Debono kien arrestat u tressaq il-Qorti l-Erbgħa mixli b’kompliċità fil-ħruq tad-dgħajsa u bi ksur ta’ diversi settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. 

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi peress li l-vittmi f’dan il-każ kif ukoll ix-xhud ewlieni u s-sieħba tiegħu kienu għadhom iridu jixhdu. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak ċaħdet it-talba minħabba l-fedina penali tal-imputat u l-fatt li ma joffrix serħan il-moħħ li huwa se jaderixxi mal-kundizzjonijiet jekk jingħata l-libertà proviżorja. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Daniel Tabone u Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Mario Xiberras, Jeffrey Scicluna u Colin Sheldon.

L-Avukati Jose’ Herrera, Charles Mercieca u Matthew Xuereb dehru għal Debono.

L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru parte civile.

Ekonomija

Sport