Saturday, December 21, 2024

Jinżammu arrestati wara li ħebbew għal raġel b’invell tal-metall

Aqra wkoll

Missier u iben inżammu arrestati, wara li t-Tnejn tressqu l-Qorti, akkużati li aggredew raġel b’invell u li kissrulu l-windscreen tal-karozza tiegħu, talli allegatament insultahom b’tifel li miet riċentament.

L-akkużati li huma Sirjani u li għandhom 27 u 56 sena, kienu akkużati li weġġgħuh, li aggrdewh u heddewh b’invell u li għamlu ħsara fil-windscreen tal-karozza tal-vittma. Huma kienu akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika. 

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef spjegat kif il-Pulizija rċeviet telefonata li għall-ħabta tal-11:00 p.m seħħ argument vjolenti, fejn allegatament l-vittma sofra minn ġrieħi ta’ natura ħafifa f’rasu. 

Il-vittma spjega li huwa kien qiegħed għall-affari tiegħu fil-karozza, meta allegatament ġew zijuh u kuġinuh b’karozza u li dawn aggridewh. Spjega kif wieħed mill-akkużati, qabad invell tal-metall li kellu fil-karozza u beda jtih bih. 

L-akkużati,  wieġbu li mhumiex ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.  Id-Difiża mmexxija mill-avukati Franco Debono u Noel Bianco għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest, fiilwaqt li spjegaw li r-reazzjoni vjolenti kienet waslet mingħand l-akkużati, minħabba li skonthom il-vittma kien tkellem b’mod offensiv dwar tifel mejjet. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, bir-raġuni li ż-żewġ akkużati, aggredew il-vttma u li fl-ebda ħin waqt l-interrogazzjoni ma semmew insulti bħala l-kawża tal-ġlieda.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti għamlet rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex jippermetti, kemm jista’ jkun fiċ-ċirkostanzi, lill-akkużati jagħmlu tħejjijiet sabiex ikunu jistgħu jattendu għall-funeral tat-tifel.

Ekonomija

Sport