Friday, November 15, 2024

Jinżammu arrestati ż-żewġ nisa mixlijin bi traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Marta Chanelys Liranzo Duval ta’ 18-il sena u mara ta’ 25 sena li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressqu l-Qorti taħt arrest mixlijin fost l-oħrajn bi traffikar u pussess ta’ droga.

Duval, li hija mwielda Barċellona u m’għandhiex indirizz fiss Malta, wieġebet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. L-Avukata Leontine Calleja, li qed tidher għall-mara, qalet li se tkun qed tesplora mod biex jintlaħaq ftehim mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-Prosekuzzjoni ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-imputata, bid-Difiża titlob li l-imputata tingħata biss l-ammont permess mil-liġi. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni, u ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-mara.

Id-Difiża ma għamlitx talba għal ħelsien mill-arrest, però talbet lill-Qorti biex l-imputata tiġi eżaminata minħabba li hija tqila. Il-Qorti rrakkomandat lid-direttur tal-Ħabs biex fuq talba tad-Difiża tiġi eżaminata minn tabib.

Intant id-Difiża talbet li jkun hemm divjett fuq isem il-mara ta’ 25 sena, minħabba li qed tikkopera mal-Pulizija. L-Uffiċjal Proskeutur ikkonferma li qed tipprova tgħin, però l-informazzjoni mogħtija s’issa ma wasslitx għal arresti.

Il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni t-talba tad-Difiża, u ordnat li isem l-imputata ta’ 25 sena ma jixxandarx.

Il-mara ta’ 25 sena twieldet l-Andorra, u m’għandhiex indirizz fiss jew impjieg f’pajjiżna. Hija wkoll wieġbet mhix ħatja tal-akkużi. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-imputata. Id-Difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest tal-mara minħabba nuqqas ta’ indirizz fiss, u minħabba n-natura tar-reat imsemmi.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Steven Ryan Micallef, bl-Avukat tal-Għajnuna Legali Leontine Calleja tidher għal Duval u L-Istess Uffiċjal Prosekutur, u Yanika Bugeja bħala Avukat tal-Għajnuna Legali tidher għall-mara ta’ 25 sena.

Ekonomija

Sport