Friday, April 19, 2024

Il-Covid-19 u s-suwiċidju; Ħsara psikoloġika li tista’ tibqa’ tippersisti għax-xhur u s-snin li ġejjin…

Aqra wkoll

Minn Carmen Cachia

Għadd ta’ studji qegħdin juru li l-pandemija tal-Coronavirus tħalli effetti negattivi kemm psikoloġikament, kif ukoll mil-lat soċjali. Il-ġurnal Internazzjonali tal-Mediċina, “QJM”, ħabbar li l-ħsara psikoloġika li persuna tgħaddi minnha f’din il-pandemija, wisq probabbli, se tibqa’ tippersisti għax-xhur u s-snin li ġejjn.

L-istess studji sabu li hemm assoċjazzjoni bejn il-Covid-19 u d-dwejjaq, l-ansjetà, biża’ minn infezzjoni, dipressjoni u nuqqas ta’ rqad fost il-pubbliku inġenerali, kif ukoll fost il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

L-iżolament soċjali, l-ansjetà, biżgħa, dubji, stress kroniku u diffikultajiet ekonomiċi jistgħu jwasslu għal żieda fid-dipressjonijiet, abbuż ta’ sustanzi u problemi oħra fis-saħħa mentali fost dawk vulnerabbli, inklużi persuni li diġà kellhom sfidi psikoloġiċi u persuni li jgħixu f’pajjiżi u żoni fejn hemm ħafna każijiet tal-Covid-19.

Kundizzjonijiet psikjatriċi li jkunu kkawżati minn stress inklużi problemi fil-burdati u użu ta’ sustanzi huma assoċjati ma’ imġieba suwiċidali. Persuni li fiequ minn dan il-virus jingħad li huma f’riskju akbar li jikkontemplaw li jtemmu ħajjithom. Fortunatament il-każi lokalment huma stabbli jew inqas minn dak li s-soltu jkollna u dan huwa suċċess kbir għall-fatt li n-numri naqsu f’perjodu ikrah ta’ pandemija.

Bil-għan li titnaqqas ir-rata ta’ suwiċidju tul din il-kriżi tal-pandemija, tobba madwar id-dinja jissuġġerixxu li  nnaqqsu l-istress, l-ansjetà, il-biżgħa u biex niġġieldu s-solitudni. L-esperti internazzjonali f’dan il-qasam jisħqu fl-importanza li jkun hemm kampanji tradizzjonali u anke fuq il-midja soċjali għall-promozzjoni tas-saħħa mentali u biex jonqos l-istress fost il-popolazzjonijiet.

Huwa minnu li fil-verità, xejn ma kien ippreparana għax-xokk qawwi li ħadna bid-diżastru li qiegħed jagħmel il-Covid-19. L-aħħar kriżi li d-dinja kellha fuq dan il-livell kienet dik tal-Influwenza Spanjola bejn l-1918 u l-1919. 

Madwar 500 miljun persuna, ekwivalenti għal terz tal-popolazzoni dinjia, kienu infettati bil-viruses tal-Influwenza Spanjola, H1N1 u mill-inqas 50 miljun persuni mietu. L-epidemija tal-Influwenza Spanjola fil-fatt, kienet assoċjata ma’ żieda fl-imwiet b’suwiċidju. 

Ir-rapport dwar il-periklu li jkun hemm żieda fis-suwiċidji minħabba l-pandemija preżenti jissuġġerixxi li jkun hemm għajnuna kontinwa u dan b’mod speċjali fost persuni li kellhom problemi psikjatriċi fl-imgħoddi, dawk li fiequ mill-Covid-19 u l-anzjani. 

Barra minnhekk, hemm bżonn li jsiru studji u riċerka ta’ kif il-konsegwenzi fuq is-saħħa mentali jistgħu jittaffew waqt u wara l-pandemija tal-Covid-19.

Sport