Friday, April 19, 2024

Ġugarelli personali projbiti fil-Kindergarten

Aqra wkoll

Jitħabbru l-linji gwida għall-kindergartens

Affarijiet li mhumiex essenzjali, bħal pereżemplu ġugarelli (toys) personali, se jkunu qed jiġu pprojbiti fil-Kindergarten, apparti minn dawk it-toys jew materjal edukattiv li huma ddiżinjat b’mod speċifiku biex jistimulaw tfal b’diżabilità jew bżonnijiet speċjali u li jistgħu jiġu mnaddfa b’mod faċli.

Din hija waħda mil-linji gwida li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa għall-Kindergartens. Fost linji gwida oħra, il-kontenituri tal-ikel għandhom jiġu diżinfettati fl-iskola qabel ma wieħed jużahom, u l-ebda ikel mhux użat ma għandu jittieħed id-dar. Ikel li jista’ jitqassam bejn it-tfal, bħal kejk tal-għeluq tas-snin, għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun possibbli jew provdut b’tali mod li jkun ippakkjat b’mod separat għal kull tifel jew tifla.

It-tfal fil-klassi għandhom iżommu distanza ta’ metru u nofs bejn xulxin u distanza ta’ żewġ metri bejn l-edukaturi. Fi kwalunkwe każ, għandu jkun hemm sforz biex it-total ta’ tfal għal Kinder 1 ma jkunx aktar minn 15 filwaqt li għal Kinder 2 m’għandux ikun aktar minn 19. 

Tfal li għandhom aktar minn tliet snin għandhom jilbsu maskra u/jew visors fiż-żoni komuni u fuq it-trasport tal-iskola iżda mhux neċessarjament fil-klassijiet tagħhom jew meta jkunu fil-preżenża ta’ membri tal-istess grupp (bubble) jew meta t-tfal ikunu qed jagħmlu l-eżerċizzju. L-istaff għandhom jilbsu maskra jew visor f’kull ħin.

Huwa essenzjali li ġewwa jkun hemm ventilazzjoni tajba u allura t-twieqi għandhom jinżammu miftuħa matul il-ġurnata. F’każ li tintuża l-arja kundizjonata, għandhom jiġu mnaddfa sew u jintużaw skont il-linji gwida tas-saħħa pubblika.

F’każ li se jkunu qed jintużaw kmamar minn gruppi differenti ta’ tfal f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata, il-kamra għandha tkun mnaddfa u diżinfettata, inkluż il-ġugarelli, qabel kull grupp li juża l-kamra.

Min jixtieq informazzjoni dwar il-linji gwidi l-oħra għandu jżur is-sit: https://deputyprimeminister.gov.mt/en/health-promotion/covid-19/Documents/mitigation-conditions-and-guidances/Advice_And_Guidelines_to_the_Educational_Sector_For_the_Re-opening_of_Kindergartens_in_Malta.pdf

Sport