Wednesday, July 24, 2024

Jinżammu taħt arrest minħabba traffikar ta’ persuni Brażiljani b’rabta ma’ prostituzzjoni

Aqra wkoll

Żewġ nisa Brażiljani, waħda ta’ 39 sena u l-oħra ta’ 38 sena, flimkien ma’ raġel Taljan ta’ 50 sena lkolla residenti San Pawl il-Baħar, qed jinżammu arrestati, wara li tressqu l-Qorti mixlija li ttraffikaw persuni Brażiljani.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Ramon Bonett Sladden f’isem l-Ufficju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi John Spiteri, Dorianne Tabone u John Scerri, spjegat li l-investigazzjoni bdiet wara li l-Pulizija rċivew rapport mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji

Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li l-akkużati kienu qed iġibu persuni mill-Brażil u li lill-istess persuni wegħduhom li f’pajjiżna se jkunu qegħdin jaħdmu fattigi.

Minn investigazzjoni illi għamlet il-Pulizija, sabu li meta l-vittmi waslu f’pajjiżna, dawn spiċċaw jaħdmu fil-prostituzzjoni u li l-flus mdaħħla ddaħlu f’sistema biex jidhru flejjes leġittimi.

Quddiem il-Magistrat Elaine Rizzo, waħda mill-vittmi xehdet u qalet li ilha Malta għal dawn l-aħħar erba’ xhur. Spjegat li kemm ilha hawn, kienet qed taħdem bħala escort u li xogħolha kien jinvolvi bejgħ ta’ sess u servizzi oħra li huma mfittxija mill-irġiel.

Spjegat li l-flus kienet tgħaddihom lil waħda mara, li tiġi waħda mill-akkużati. Qalet li din kienet tiddepożita l-kambju tal-flejjes fil-kont bankarju tal-vittma bil-kundizzjoni li tibgħatilha miżata ta’ €50 kull darba.

Il-Maġistrat Rizzo ordnat lix-xhud tagħti d-dettalji kollha tagħha peress li hija se tkun qed tiġi deportata lura lejn il-Brazil u laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar tal-assi fil-konfront tal-akkużati u l-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsin mill-arrest tat-tliet imputat, bl-argument li jekk l-akkużati se jinżammu arrestati se jbatu wliedhom, speċjalment minħabba li żewġ imputati, li huma koppja għandhom tifel ta’ seba’ snin b’awtiżmu sever.

Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, bir-raġuni li t-tlieta li huma m’għandhomx rabtiet sodi ma’ Malta u minħabba l-biża’ li dawn jaħarbu waqt li għad fadal diversi xhieda x’jixhdu.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Magistrat Rizzo ċahdet it-talba tal-avukati difensuri għall-ħelsien mill-arrest.

Għat-tliet akkużati dehru l-Avukati Lennox Vella, Mary Grace Vella, Ilona Schembri u Maria Karlson.

Ekonomija

Sport