Wednesday, July 24, 2024

Jitħabbru l-proġetti li se jgawdu minn fondi ta’ €820,000 f’għajnuna għall-festi Maltin

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-lista ta’ applikanti rebbieħa tal-Iskema tal-Wirt Artistiku li qed tagħti għajnuna u sostenn finanzjarju lill-festi Maltin u Għawdxin. B’kollox minn din l-iskema se jibbenefikaw rekord ta’ 84 proġett b’total ta’ €820,000 f’investiment f’dan l-aspett tant importanti tal-kultura u tal-wirt intanġibbli Malti li issa għandu wkoll rikonoxximent internazzjonali bħala Wirt Intanġibbli Dinji tal-UNESCO.

Il-finanzjament se jkun immirat lejn proġetti marbuta ma’ tisħiħ ta’ xogħol kulturali magħmul mis-soċjetajiet mużikali Maltin, żieda ta’ miżuri ta’ saħħa u s-sigurtà fil-Kmamar tan-Nar li jaħdmu fuq bażi volontarja, u finanzjament ta’ proġetti artistiċi marbuta mat-tiżjin fil-festi.

“Fis-snin li għaddew rajna żieda bla preċedent fl-investiment tal-Gvern fis-setturi kreattivi. Dan l-investiment ġie mmexxi mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-inklussività, li jiffurmaw is-sinsla tal-arti. Il-wirt artistiku tagħna marbut mal-festi Maltin huwa wkoll parti intrinsika tal-identità kulturali li trid tingħata l-opportunità u r-riżorsi biex tiffjorixxi,” qal il-Ministru Bonnici.

“Issa mhux talli wettaqna l-wegħda elettorali tagħna biex niżguraw l-iżvilupp fit-tul ta’ dan is-settur, iżda morna lil hinn minn hekk. Il-proġetti li ntgħażlu huma prova tal-importanza li nagħtu lill-pajsaġġ kulturali u l-wirt Malti, hekk kif inkomplu nwettqu l-impenn tagħna lejn il-mijiet kbar ta’ voluntiera li jagħtu tant ħin fil-każini tal-banda, fil-kmamar tan-nar, u fl-assoċjazzjonijiet tal-festa sabiex ikunu jistgħu jkomplu jikkontribwixxu filwaqt li jwittu t-triq għal ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Anne Cauchi stqarret li din l-iskema hija konformi mal-Istrateġija tal-Kunsill sabiex ikompli jissaħħaħ il-wirt kulturali u dawk il-forom t’arti li jagħmlu l-pajsaġġ kulturali Malti wieħed uniku.

“Dawn it-tradizzjonijiet li qed jiġu appoġġjati mill-Iskema tal-Wirt Artistiku jiffurmaw parti importanti minn dan il-pajsaġġ kulturali, u din se tiżgura li l-każini tal-banda, il-kmamar tan-nar, u l-assoċjazzjonijiet tal-festa jgawdu l-appoġġ neċessarju li jiżgura li jibqgħu jevolvu u jikkontribwixxu għall-identità unika tal-komunitajiet tagħna. Inizjattivi bħal dawn isaħħu l-isforzi tagħna biex nissalvagwardjaw u nippromwovu d-diversità tal-espressjoni artistika u kulturali ta’ Malta, li twassal għal riġenerazzjoni, kreattività, u innovazzjoni msejsa fuq il-wirt kulturali,” temmet tgħid is-Sa Cauchi.

Għar-riżultati u aktar dettalji dwar l-Iskema tal-Wirt Artistiku u opportunitajiet ta’ finanzjament oħra, wieħed jista’ jżur https://artscouncil.mt

Ekonomija

Sport