Wednesday, December 25, 2024

Jipproponi li titwaqqaf il-kampanja għal ġurnata u jsir marċ b’rispett għall-Ukreni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskors introduttorju tiegħu fid-dibattitu fl-Università, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li fl-Università ħolom u rnexxa u hekk ukoll jrid li aktar studenti jkomplu jirnexxu.

Tkellem dwar id-diffikultajiet li għaddejja minnhom il-komunità Ukrena u hemm bżonn li l-mexxejja għandhom bżonn juru maturità politika fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Huwa qal li li tagħti ċittadinanza lil nies Russi mhijiex maturità.

Grech sostna li l-Partit Laburista għadu bla viżjoni u għadu qiegħed jikkopja mill-proposti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

L-invażjoni fl-Ukrajna u l-kontribut tal-istat Malti

Mistoqsi dwar il-kontribut li għandu jagħti l-istat Malti u kif nistgħu nilqgħu għall-isfidi għall-invażjoni tal-Ukrajna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li importanti jkollna Prim Ministru li jħaddan il-valuri u mhux jagħmel dan biss meta ddur kontrih l-opinjoni pubblika. Grech qal li għalhekk trid toħloq is-setturi ekonomiċi u l-ġid biex tkabbar l-ekonomija. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li huwa tajjeb li jingħata sussidju, importanti li nkunu realistiċi u nilqgħu għall-impatt tal-għoli tal-ħajja. Huwa fakkar li sa ġimgħat ilu l-Partit Nazzjonalista wiegħed fond ta’ €40 miljun biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja. Grech qal li l-għażla hija ċara jekk il-poplu jagħżilx lil xi ħadd li se jibqa’ ċass quddiem ir-realtajiet tal-gwerra, jew lil xi ħadd li b’maturità u b’esperjenza jindirizza u jaffaċċja r-realtajiet. 

It-trasport pubbliku

Mistoqsi dwar l-proposti biex it-trasport pubbliku jsir l-mezz ewlieni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa l-fatt li t-trasport pubbliku se jkun b’xejn minn Ottubru li ġej, iżda argumenta li din kienet proposta tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-proposti ta’ Robert Abela bħala soluzjonijiet għal-lum se jwassal għal problemi mat-tletin sena oħra bl-iskart li jipproduċi biex iħaffer il-mini. Min-naħa l-oħra, il-pjan tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed costed li jagħmel sens u li jista’ jiġi implimentat f’erba’ snin. Rigward il-karozzi elettriċi, anke dawk second hand jkunu b’liċenzja bla ħlas biex anke studenti jkunu jistgħu jaċċedu għal dawn il-karozzi. Huwa qal li minkejja dan jeħtieġ li nġibu bidla fil-mentalità biex ma jkollniex iktar ħela ta’ ħin imwaħħlin fit-traffiku, iżda aktar ħin biex jistudjaw, igawdu u jagħmlu dak kollu li jixtiequ. Huwa esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li ma sema xejn fil-proposti tal-Partit Laburista rigward modi alternattivi tat-trassport bħalma huma r-roti, l-eletric bikes, u lanqas xi mod ieħor kif jiġu utilizzati t-toroq li saru b’fondi ewropej ta’ madwar €900 miljun. Huwa wiegħed li gvern nazzjonalista jżomm il-kelma għaliex bħala partit jagħmlu studji serji.

Tniġġiż u tibdil fil-klima

Fejn jidħol it-tniġġiż u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-track record tal-Partit Laburista fejn jidħol l-ambjent huwa li qerduh. Grech fakkar fil-wegħdiet li art barra miż-żona tal-iżvilupp tibqa’ b’dan il-mod biex tiġi ppreżervata l-art. Grech qal li jħossu fgat f’dan il-pajjiż u kien għalhekk sena u nofs ilu ħass li kellu jqum minn fuq il-pultruna u jidħol fil-politika biex ikun jista’ jagħmel il-bidliet li hemm bżonn.  Rigward il-costings tal-proposti mressqin minnu, Grech indirizza lill-Prim Ministru u qallu li se jkun qiegħed jippublikahom u staqsieh “x’ġenn għandek, se nippubblikawhom ukoll. Jaqaw trid tikkupjahom ukoll?”

Dawk li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom

Suġġett ieħor kien l-għajnuna lil dawk li jsiru sidien tal-ewwel proprjetà tagħhom. Grech qal li l-għajnuna fit-traħħis fit-taxxa tal-boll għal dawn il-persuni se tkun qiegħda tingħata għal dawk li jixtru proprjetajiet sa €400,000. Qal li gvern Nazzjonalista se jgħin fuq l-imgħax biex l-għajnuna tmur għand iż-żgħr. Spjega li l-10 fil-mija depożitu se jingħata b’self għal 30 sena biex ikun jista’ jitħallas bil-mod meta l-persuni jissudaw. 

Din se tgħin biex il-persuni jkunu responsabbli u jirrikonoxxu li huwa fid-dmir tagħhom li jroddu lura lis-soċjetà dak li ngħata lilhom b’self.

L-edukazzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-edukazzjoni mhijiex biss l-flus imma anke l-viżjoni li minn tagħlim akkademiku, mmorru għal ħsieb ħieles, id-diskussjoni, l-kritika u l-analiżi f’mixja lejn waħda aktar kulturali.

Grech tkellem dwar l-mużika u l-arti u qal li dawn mhux ta’ min jitmejjel bihom. “Jien tlajt kemm-il darba fuq dan il-palk inkanta u għandi unur li għamilt hekk”, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Grech qal li għaliex l-edukaturi wkoll iridu jkomplu jitħarrġu, gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed jinvesti fihom biex ikunu jistgħu jtellgħu studenti preparati għall-għaxar setturi ġodda li se jkun qiegħed joħloq. Huwa tkellem dwar l-importanza tal-valuri u qal li minkejja li gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed iżid l-istipendji b’25 fil-mija iżda jemmen li kapaċi jżid il-volontarjat li ħafna studenti diġà jagħmlu.

Is-saħħa sesswali

Dwar l-abort Bernard Grech qal li hemm numru ta’ nisa li għadhom qegħdin iwettqu l-abort u hemm bżonn li nifhmu għalfejn biex inkomplu nsalvaw il-ħajjiet.

Rigward is-saħħa sesswali, Grech qal li sena ilu tkellem li se jagħti l-morning after pill b’xejn u kellu jkun issa li l-Prim Ministru jħabbarha. Huwa qal li l-Partit Laburista dejjem jgħix fil-futur u l-istess jista’ jingħad għall-manifest tiegħu.

Ir-rata ta’ twelid

Dwar il-GU Clinic, l-IVF u s-Saħħa mentali Grech qal li jeħtieġ isir investiment akbar għal iżjed dinjità. Huwa sostna li s-sess m’għandux jibqa’ taboo biex iż-żgħażagħ jifhmu aħjar kif jistgħu jitrattaw l-emozzjonijiet tagħhom.

“Ir-rata ta’ twelid ma żżidhiex billi tistieden lil dawk li ma jistgħux isiru ġenituri jissieħbu fil-partit”

Marċ ta’ paċi b’rispett lejn il-poplu Ukren

Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm id-diskors tiegħu f’dan id-dibattitu b’appell biex is-Sibt li ġejt tieqaf il-kampanja elettorali għal ġurnata u bil-kunsens ta’ kulħadd isir marċ ta’ paċi b’turija ta’ rispett lejn il-poplu Ukren.

Ekonomija

Sport