Monday, April 22, 2024

Jirritorna l-Karnival Spontanju tan-Nadur wara nuqqas ta’ sentejn

Aqra wkoll

Wara nuqqas ta’ sentejn, se jerġa’ jirritorna l-Karnival Spontanju tan-Nadur bl-eċċezzjoni li din l-edizzjoni ser tkun waħda speċjali, peress li ser issir f’Mejju. Il-Karnival Spontanju tan-Nadur hu rinomat għall-fertilità tal-immaġinazzjoni ta’ dawk kollha li jipparteċipaw fiħ.

Waqt it-tnedija ta’ din l-attività, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleir wera s-sodisfazzjon li din l-attività tant popolari ser terġa’ ssir. “Il-Karnival tan-Nadur hu wieħed tradizzjonali fejn b’ispontanjetà tiegħu jeħodna lura fiż-żmien u jurina kif fl-imgħoddi l-Karnival kien mezz kif wieħed jiddeverti u jwassal il-messaġġ tiegħu permezz tas-satira”, qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-jiem tal-Karnival f’Għawdex dejjem ikunu mfittxija kemm min nies lokali, Maltin u turisti. “Nawgura li bħalma kienu l-edizzjonijiet passati, din l-edizzjoni wkoll tattira folla mdaqqsa lejn ir-raħal tan-Nadur biex f’atmosfera ta’ ferħ niċċelebraw flimkien dawn it-tlett ijiem assoċjati mal-briju”, qal il-Ministru għal Għawdex.

Il-Ministru Camilleri faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali tan-Nadur li jieħu ħsieb l-proċess kollu neċessarju biex din l-attività tal-massa tirnexxi, u aktar min hekk, issir bl-inqas inkonvenjent possibbli għar-residenti. Il-Ministru fakkar li kulħadd għandu jiddeverti b’mod responsabbli u b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet.

Edwar Said, is-Sindku tan-Nadur, qal li n-Nadur hu sinonimu ma’ dan il-karnival li issa sar parti integrali mill-kalendarju kulturali mżewwaq li joffri Għawdex. Is-Sur Said wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-karnival spontanju se jerġa’ isir fil-qalba tar-raħal, fejn ta’ kull sena kien jattira lejħ eluf kbar ta’ viżitaturi.

Is-Sindku Said irringrazzja lill-Ministru għal Għawdex tas-sostenn kemm finanzjarju u dak loġistiku biex tittella’ din l-edizzjoni speċjali u awgura li, bħal edizzjonijiet preċedenti, għal darba oħra tkun suċċess.

Il-Karnival Spontanju tan-Nadur ser isir nhar il-Ġimgħa l-20, is-Sibt 21, u l-Ħadd 22 ta’ Mejju wara nżul ix-xemx.

Sport