Monday, December 23, 2024

Jirritorna l-viġilanti Robert McCall

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

It-taqtigħa għall-ewwel post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa kienet eċċitanti bil-film ġdid “Gran Turismo” u “Barbie” kważi jkollhom l-istess ammont ta’ dħul.

It-tliet pożizzjonijiet l-oħra għal tmiem il-ġimgħa huma okkupati mill-films: “Blue Beetle”, “Oppenheimer” u fil-ħames post “Teenage Mutant Ninja Turtles: Mutant Mayhem”.

Films oħra, bħat-thriller ġdid ta’ Liam Neeson, “Retribution”, u l-film bijografiku “Golda” dwar l-ex Prim Ministru tal-Iżrael Golda Meir, kellhom suċċess limitat. Helen Mirren taħdem il-parti prinċipali ta’ Golda Meir.

The Equalizer 3

Denzel Washington jirritorna fil-parti tal-viġilanti Robert McCall f’“The Equalizer 3” – bniedem li l-karatteristika tiegħu hu li jkunu preċiż fuq il-ħin.

Din id-darba mhux jgħix fl-Istati Uniti imma insibuh jiġġieled il-kriminalitá fuq skala internazzjonali. Robert imur jgħix fil-parti t’isfel tal-Italja fejn hemmhekk jiskopri li xi wħud mill-ħbieb tiegħu sabu rwieħhom taħt difrejn il-mafja Taljana. Mingħajr dubju, Robert kien jaf kemm is-sitwazzjoni hi perikoluża biex jipproteġi lil ħbiebu.

Fost l-atturi li jissieħbu miegħu f’dan il-film, naraw lil Dakota Flanning li kellha 9 snin meta ħadmet miegħu f’“Man on Fire” li rajna 19-il sena ilu.

Id-direttur reġa hu Antoine Fuqua. Għalhekk dan hu l-ħames film li Denzel Washington qed jaħdem ma’ dan id-direttur. Minbarra f’din it-triloġija, huma ħadmu wkoll “Training Day” (fejn Wasjongton rebaħ Oscar bħala l-aħjar attur) u fir-remake “The Magnificent Seven” tal-2016.

Suppost dan il-film hu t-tmiem ta’ triloġija. Imma bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa, id-direttur Antoine Fuqua stqarr li qed joħlom li juża l-proċess tad-de-aging (jiġifieri li bil-għajnuna tat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali jagħmel attur jidher iżgħar fl-etá) sabiex b’Denzel Washington joħloq storja biex jurina għala Robert McCall sar dak li nafuh illum.

L-ewwel film, “The Equalizer” li hawn Malta ħareġ għall-wiri f’Ottubru 2014, konna rajna lil McCall bħala ex-uffiċċjal militari li beda jaħdem f’maħżen tal-għodda f’Boston. Nafu biss li ma jkunx jistax jorqod bil-lejl u joqgħod jaqra l-kotba. Isib skop billi jgħin lin-nies li ġew sfruttati bruttalment minn kriminali.

Fit-tieni film li rajnih f’Awwissu tal-2018, Robert McCall huwa karattru mifni b’dilemma morali fejn hu tradut minn ħbiebu u ex-kollegi tiegħu. Jipprova jgħix ’l bogħod mill-vjolenza brutali imma ċċirkustanzi ma jħalluhx.

“The Equalizer 3” hu kklassifikat 15 minħabba xeni ta’ vjolenza qawwija u użu ta’ lingwaġġ iebes.

Sound of Freedom

Rajna ħafna films dwar traffikar tad-droga. Imma kemm nħadmu films dwar traffikar ta’ tfal għal skop ta’ sess? Forsi għax mhux suġġett li fih xi forma ta’ gost, ftit li xejn kellna films fuq dan is-suġġett. Imma fl-aħħar ta’ film hemm stqarrija li għandna nirriflettu fuqha: illum hawn aktar nies fi skjavitu milli meta l-iskjavi kienu legali. It-trawma li jgħaddi minnha t-tfal ma tistax’ tfissirha, ma tistax timmaġinha, tibqa’ għal għomorhom.

Ispirat mill-istorja vera ta’ Tim Ballard, “Sound of Freedom” hu dwar dan l-ex-impjegat tad-Dipartiment tal-Intern ġewwa l-Istati Uniti. Tim jibda kruċjata, msejjħa Operation Underground Railroad, fejn iddedika ħajtu jiġġieled kontra t-traffikar tat-tfal għal skop ta’ sess.

Fil-parti prinċipali jidher Jim Caviezel li kien ħadem “The Passion of the Christ”. Kif kien wera meta kien hawn Malta biex jaħdem “The Count of Monte Cristo”, Jim Caviezel hu wieħed reliġjuż ħafna u f’dawn l-aħħar snin intefa’ b’ruħu u ġismu jaħdem films b’tema reliġjuża bħal dan, “Sound of Freedem”.

Bħala Aġent Speċjali fid-Dipartiment tal-Intern, huwa għamel 12-il sena. Matulhom qabad 280 pedafolu. Imma dak li kien jinkwetah kien li rari ħafna ħeles lit-tfal.

Id-direttur Alejandro Monteverde, jippreżentalna film li jdaħħlek f’qoxortok u jgħamlek tixtieq li anke aħna għandna nieħdu azzjoni.

Meta ħareġ għall-wiri fit-teatri Amerikani, il-film kellu suċċess akbar minn dak mistenni. Bħala film kien ilu lest mill-2018. Il-kumpanija Disney kienet bejn ħaltejn jekk toħorġux għall-wiri. Il-film inbiegħ u nħareġ minn kumpanija żgħira bl-isem ta’ Angel Studios.

“Sound of Freedom” hu kklassifikat 15 minħabba t-tema li għandu l-film u theddid kontinwu.

Ekonomija

Sport