Monday, May 13, 2024

“Nittamaw li din il-miżura ma ddumx ma tidħol”

Is-Segretarju Theo Vella dwar l-inċentiv biex membri ta’ Forzi Dixxiplinati jibqgħu jservu wara 25 sena servizz

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union, permezz tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi, laqgħet b’mod pożittiv l-aħbar li se jidħlu inċentivi sabiex membri ta’ forzi dixxiplinati jibqgħu jservu wara 25 sena servizz.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li żvela kif fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru d-dettalji u eventwalment tkun implimentata din il-miżura li kienet ukoll imwiegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista “Malta Flimkien.” 

B’rabta ma’ din il-miżura tkellimna mas-Segretarju tat-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi Theo Vella, li qalilna li jħarsu lejha b’mod pożittiv ħafna u jittamaw li tidħol kemm jista’ jkun malajr.

Huwa semma kif qabel l-aħħar kampanja elettorali, il-GWU kienet ukoll għaddiet il-proposti tagħha biex ħaddiema li jkunu għalqu l-25 sena servizz fil-korpi dixxiplinati jkunu inċentivati anke finanzjarjament biex jibqgħu jaħdmu.

Is-Segretarju Vella kompla jgħid: “li qed jiġri huwa li ħafna ħaddiema, malli jtemmu 25 sena servizz, jibdew jaħsbu biex imorru f’impjieg u b’dan il-mod jitilfu ħafna riżorsi umani u esperjenza kbira.”

Huwa għamel referenza għall-proposta li tissemma fil-manifest u hija marbuta ma’ din it-talba li għamlet l-unjin, li tagħti opportunità lill-membri tal-korpi dixxiplinati sabiex itejbu l-pensjoni tagħhom bi 23% wara erba’ snin ta’ servizz addizzjonali. 

“Iżda ħafna nies qed isaqsu: Imma din tapplika għal dawk li għadhom membri biss? Xi ħadd li telaq u jixtieq jerġa’ jidħol, dan se tapplika għalih? U qed jinħolqu dawn il-mistoqsijiet,” kompla jgħid is-Segretarju Vella. 

“Huma mistoqsijiet li l-unjin f’dan il-mument mhix f’pożizzjoni li twieġeb. Għaldaqstant fil-ġimgħat li ġejjin, bħala taqsima, beħsiebna nagħmlu laqgħat sabiex inkunu nafu eżattament kif se tiġi implimentata din il-miżura.”

Is-Segretarju Vella tenna li din il-miżura tista’ tkun ta’ vantaġġ kbir għal dawn il-ħaddiema filwaqt li sservi ta’ opportunità għalihom. “Nittamaw li din il-proposta ma ddumx ma tidħol għax għandna numru ta’ ħaddiema li jixtiequ jkunu jafu d-dettalji tagħha. Nittamaw li fi żmien qasir inkunu f’pożizzjoni nagħtu aktar dettalji lill-ħaddiema.”

Sport