Monday, April 29, 2024

Jirriżenjaw il-membri tal-Bord u l-Kumitat tal-Investiment fi ħdan il-Malta Enterprise

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li aċċetta r-riżenja tal-membri tal-Bord u l-Kumitat tal-Investiment fi ħdan il-Malta Enterprise. Dawn ir-riżenji saru wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Huwa beda biex qal li “huwa dover tagħna bħala Gvern u tiegħi wkoll bħala Ministru li b’umiltà sħiħa naċċertaw li neżegwixxu r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta biex insarrfu wkoll id-dispjaċir għal dak li ġara u li aħna bħala amministrazzjoni stajna nagħmu aħjar. Jiena wkoll qrajt il-maġġor parti tar-rapport tal-inkjesta u bħalma qal il-Prim Ministru fil-konferenza stampa tal-Erbgħa, inħoss li r-rapport fit-totalità tiegħu huwa wieħed ibbilanċjat u bi kliem meqjus.

“Jidher ċar li r-rapport mhux intiż biex joħloq xi ballun politiku minn sitwazzjoni li kulħadd għandu x’jitgħallem minna. Rapport li jelenka bl-aktar mod ċar li għandek entitajiet pubbliċi li l-operat tagħhom relatat ma’ dan il-każ kif jgħidu bl-Ingliż “left a lot to be desired”, qal il-Ministru Schembri.

Huwa żied jgħid li r-rapport jisħaq ukoll u jikkonkludi li minkejja lista sħiħa ta’ defiċjenzi joħroġ ċar li ma kienx hemm l-ebda malintendere, jew xi proċedura li tgħawġet jew inqabżet biex jiġi aġevolat xi individwu jew li kien hemm xi forma ta’ kollużjoni. Jikkonkludi wkoll li ma kien hemm l-ebda ness bejn l-allokazzjoni tal-art u d-diżgrazzja nfisha.

Il-Ministru Schembri qal li bħala Ministru responsabbli mill-INDIS, u minn xahar u nofs ilu mill-Malta Enterprise ukoll, żewġ entitajiet li lagħbu rwol f’dan il-każ, huwa kien tkellem fid-dettall mal-ogħla uffiċjali tat-tmexxija ta’ dawn l-entitajiet flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru. Dan sabiex jifhmu x’ħareġ minn dan ir-rapport iżda aktar importanti minn hekk x’inhuma dawk l-azzjonijiet immedjati u anke dawk aktar fit-tul li għadhom jittieħdu sabiex kif irrakkomanda u identifika l-istess rapport jinġarru r-responsabbiltajiet u jibdew minnufih bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-istess rapport.

Sostna li kif elenkat fl-istess rapport, jispikka n-nuqqas tal-proċessi tal-approvazzjoni mill-imsemmi Kumitat li huwa magħmul mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ tan-Negozji Żgħar u minn tliet membri oħra kif ukoll mill-proċess immexxi mill-Micro Enterprise Unit.

“Jiena aċċettajt b’mod immedjat ir-riżenja tal-membri ta’ dan il-bord kemm minn dan il-kumitat u anke mill-bord tad-Diretturi tal-Malta Enterprise. Infurmat li l-Kap tal-MicroEnterprise Unit fi ħdan l-istess ME li fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-inkjesta, il-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli u l-impjieg tiegħu ġie terminat b’effett immedjat,” qal il-Ministru Schembri.

Huwa rrimarka wkoll li ta direzzjoni immedjata liċ-Ċermen tal-ME sabiex jabolixxi b’effett immedjat il-Kumitat ta’ Investiment fi ħdan il-ME u l-proċessi li qabel jiġu proċessati minn dan il-kumitat, sakemm jitlesta r-rapport tal-awditjar fuq il-proċessi tal-ME, issa jibda jitla’ fuq livell tal-Bord tad-Diretturi u jiġu proċessati fl-ogħla livell tal-istess awtorità.

Sadanittant, il-Ministru Schembri nnota li hemm rakkommandazzjonijiet f’dan ir-rapport li diġà daħlu fis-seħħ jew ċertu proċeduri ġew imtejba. Fil-fatt, intqal li l-ME diġà wettqet bidliet bil-mod kif jiġu evalwati l-proġetti kollha tagħha fejn issa kull proġett jintalab jissottometti business plan u financial plans dettaljati li jiġu evalwati, iddaħħlet sistema ta’ rankings skont il-valur miżjud ta’ kull proġett li jitlob art industrijali u l-proġett jiġu evalwati wkoll fuq l-impatt ambjentali li l-attività se jkun qed ikollha. Filwaqt li qed isir due-diligence ukoll fuq l-individwi u shareholders ta’ kull proġett.

Sport