Wednesday, December 25, 2024

Jiskatta l-mekkaniżmu għall-bidla fl-istatut dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, ġiet approvata proposta mressqa mill-amministrazzjoni sabiex titressaq mozzjoni ta’ emenda quddiem Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista.

Il-mozzjoni li ser titressaq f’isem l-eżekuttiv tipproponi bidliet fil-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Kien hemm qbil unanimu mill-eżekuttiv li l-mozzjoni ta’ emenda tipproponi li l-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit laburista ma tiġix okkupata minn membri parlamentari. Barra minn hekk, min jokkupa din il-kariga mhux se jitħalla joħroġ għall-elezzjoni ġenerali sakemm ikun ilu sentejn li spiċċa mill-istess kariga.

“l-idea hi li mmorru għall-istatut kif kien snin ilu, li jkollok persuna ffukata fuq il-ħidma tal-partit. Li jkollna deputat mexxej iffukat kompletament fuq il-ħidma tal-partit, din hija sistema li ħadmet ħafna fil-passat. Dawn huma l-ideat li jridu jiġu diskussi għada. Dan huwa partit miftuħ għall-ideat fejn niddibattu, niddiskutu u naslu għad-deċiżjoni fl-aqwa interess tal-partit,” qal il-Prim Ministru.

Robert Abela qal ukoll li dan se jkun proċess iddominat mill-għaqda, fejn kulħadd jaħdem flimkien b’għan wieħed biex il-partit laburista jkompli jikber u jimxi ’l quddiem.

“il-proċess huwa wieħed importanti ferm dwar waħda mill-ogħla karigi fil-partit laburista. L-irwol ta’ deputat mexxej huwa kruċjali għaliex għandu żewġ irwoli kruċjali. L-ewwel wieħed huwa li jara l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali, u t-tieni wieħed li jara l-iskrutinju fuq il-ħidma tal-gvern.”

Għall-ewwel darba f’hafna snin,  l-Amministrazzjoni u l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista ħarġu miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u tlaqqgħu fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk.

Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja se titlaqqa’ fis-26 ta’ Ġunju bl-elezzjonijiet għall-Deputat Mexxej u l-membri tal-amministrazzjoni jsiru fit-18 ta’ lulju. Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista se tkun qed tikkomunika aktar dettalji fil-ġranet li ġejjin. Waqt l-istess laqgħa tal-Eżekuttiv, ġew approvati 9 kandidati għall-elezzjoni ġenerali – Joe Sammut, Sean Apap Meli, James Grech, Keith Tanti, Felix Galea Bususttil, Fleur Vella, Oliver De Gaetano, Matthew Vella u Romilda Baldacchino Zarb.

Ekonomija

Sport