Tuesday, May 14, 2024

Jispiċċa l-Qorti wara li ħebb għal raġel li għadda biż-żmien lil ħuh li miet riċentament

Aqra wkoll

Raġel ta’ 50 sena residenti Birkirkara ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li daħal f’ħanut u ħebb għal ieħor b’sikkina. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda għall-ħabta tat-8.30 a.m. f’Birkirkara. 

Id-Difiża argumentat li l-inċident seħħ wara li l-klijent tiegħu ma felaħx aktar minħabba li l-fatt li l-allegat vittma kien allegatament qed jgħaddi biż-żmien lil ħuh li miet ftit ilu. 

Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija kienu rċevew rapport li persuna armata b’sikkina daħlet f’ħanut u aggredixxa persuna oħra. Meta marru fuq il-post, il-pulizija sabu li s-sitwazzjoni kienet ikkalmat. 

L-allegat vittma ġie mitkellem mill-Pulizija u qal li kien mar fuq l-akkużat wara li qam argument bejniethom u allegatament beda jheddu b’sikkina. Intqal ukoll li kien hemm xi persuni li intervjenew u anke ħadulu s-sikkina. 

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi. 

L-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,500 u garanzija personali ta’ €7,500. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa ta’ Birkirkara kuljum u ma jersaqx lejn il-ħanut fejn seħħ l-allegat inċident. 

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritienne Gauci. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat.

Sport