Friday, December 13, 2024

Jispikka l-messaġġ b’saħħtu li kulħadd ugwali fiż-żjara tal-Papa Franġisku fost l-immigranti

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tama, imħabba u inklużjoni. Dawn huma uħud mis-sentimenti li ħasset il-komunità tal-immigranti f’Malta li tkellmet magħna meta l-Ħadd wara nofsinhar inġabret f’Ħal Far.

F’nofs il-folla mill-isbaħ li nġabret proprju quddiem il-Laboratorju tal-Paċi, il-post li nħoloq bil-għan li joffri dinjità lil dawk l-immigranti li jkunu qed ifittxu l-ażil, tkellimna ma’ uħud minn dawk preżenti ftit qabel il-wasla tal-Qdusija Tiegħu. Hawnhekk spikkat il-komunità Ukrena li magħna esprimiet ukoll sens ta’ gratitudni għal din iż-żjara.

Meta ftit wara li kien ġie mħabbar li fiż-żjara tiegħu, fost il-postijiiet li kien se jżur il-Qdusija Tiegħu, kien se jkun hemm Ħal Far,  Patri Dijonisju Mintoff kien qalilna li mill-ewwel kien antiċipa u qal lil żgur li jekk il-Papa Franġisku jiġi Malta se jkun hemm parti ddedikata għar-refuġjati. 

Papa Franġisku sa mill-ewwel ħarġa tiegħu kien diġà bagħat messaġġ ċar ħafna. Kien mar Lampedusa fejn hemmhekk għamel diskors sabiħ fuq ir-refuġjati u din iż-żjara għandha l-istess importanza daqskemm għandu ż-żjara Tiegħu f’pajjiżna. Bil-fatt li l-postijiet fejn il-Papa żar f’pajjiżna għażilhom huwa stess, kif tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet jumejn qabel iż-żjara tiegħu, juri biċ-ċar l-istil tal-pontifikat tiegħu. Bħalma ġara f’Lampedusa, biż-żjara tiegħu fil-Laboratorju tal-Paċi żvela lid-dinja kemm tassew għandu għal qalbu r-refuġjati. Kif kienu qalu l-isqfijiet Maltin sa minn sentejn ilu meta kienet mistennija li ssir iż-żjara, diġà kienet ħarġet li x-xewqa tal-Papa Franġisku hija li jiltaqa’ wkoll mal-immigranti u fissru li dan għandu jwassal il-messaġġ li kull ħajja umana hija prezzjuża. F’din iż-żjara wkoll spikka l-messaġġ b’saħħtu li kulħadd ugwali u kien proprju dan li qasmu magħna wkoll min-nies li nġabru f’Ħal Far.

Ekonomija

Sport