Wednesday, December 25, 2024

Jissokta d-diżgwid fil-Partit Repubblikan tal-Istati Uniti

Aqra wkoll

Wara d-disfatta li r-Repubblikani ġarrbu fl-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu, kompla jispikka t-taħwid bejniethom tant li nhar it-Tlieta li għadda, f’jum ta’ drama politika li ilu ma jidher bħalha seklu sħiħ fil-Kungress Amerikan, il-Mexxej Repubblikan Kevin McCarthy falla ripetutament fl-isforzi tiegħu li jiġi elett Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti.

Fid-dawl ta’ dan il-kaos, il-Kamra tar-Rappreżentanti aġġornat mingħajr Speaker nhar it-Tlieta filgħaxija, l-ewwel darba mill-1923 li kienu naqsu milli jagħżlu mexxej wara l-ewwel rawnd ta’ votazzjoni.

Il-bidu ta’ Kungress ġdid kellu jkun awra ta’ rebħa għall-Partit Repubblikan hekk kif ħa l-kontroll tal-kamra tar-rappreżentanti wara l-elezzjonijiet ta’ Novembru. Minflok, McCarthy iffaċċja ribelljoni minn ġewwa l-partit tiegħu stess.

McCarthy, kungressista mill-Kalifornja, tilef tliet rawnds ta’ voti konsekuttivi għall-Speaker u mhijiex ċara x’tista’ tkun it-triq li jieħu biex jirbaħ meta jerġa’ jipprova mill-ġdid. Skont il-proċedura, il-membri tal-Kungress iridu jkomplu jivvutaw sakemm xi ħadd jikseb il-maġġoranza.

U anki jekk McCarthy jsib mod, id-diżgwid fil-Kamra mistenni jkompli għar-Repubblikani meta l-moderati u dawk tal-lemin huma fi gwerra ma’ xulxin.

Ir-Repubblikani rebħu bi ftit il-kontroll tal-Kamra f’Novembru, għalhekk McCarthy kellu bżonn biss ftit voti x’jikseb biex isir Speaker. Dan ippermetta li grupp ta’ konservattivi ‘hard-liners’ jingħaqdu flimkien biex jopponu n-nomina tiegħu. Din il-qasma fost ir-Repubblikani kienet ilha ġejja, skont osservaturi politiċi.

Fit-tliet rawnds ta’ voti konsekuttivi, Kevin McCarthy naqas milli jilħaq il-limitu meħtieġ ta’ 218 vot. Għalkemm ir-Repubblikani għandhom 222 siġġu, grupp ta’ 19-il Repubblikan tal-lemin estrem kien maqgħud fl-oppożizzjoni tiegħu. Huma qed jopponu lil McCarthy għal raġunijiet ideoloġiċi u personali, iżda jaraw ukoll opportunità biex jisfruttaw il-maġġoranza ċkejkna tar-Repubblikani biex jisfurzaw aktar konċessjonijiet mingħandu. F’wieħed mill-aktar mumenti drammatiċi tal-ġurnata, huma saħansitra nnominaw lir-Rappreżentant Jim Jordan biex jisfidah, ftit mumenti biss wara li Jordan innifsu nnomina lil McCarthy għall-Ispeaker.

Anke wara li Jim Jordan – li huwa figura ewlenija fil-Freedom Caucus tal-lemin estrem – ħeġġeġ lir-Repubblikani biex “jinġabru madwar” McCarthy fit-tielet rawnd tal-votazzjoni, 20 Repubblikan ivvota għal Jordan u għal darb’oħra ċaħħdu r-rebħa lil McCarthy.

Sadanittant, id-Demokratiċi baqgħu magħquda wara l-Mexxej il-ġdid tal-partit tagħhom, ir-Rappreżentant Hakeem Jeffries ta’ New York.

Ekonomija

Sport