Tuesday, April 30, 2024

L-età tat-tilqima tal-Covid-19 f’pajjiżna tinżel għal trabi minn sitt xhur ‘il fuq

Aqra wkoll

Trabi li għandhom bejn is-sitt xhur u l-erba’ snin, issa se jkunu jistgħu jitlaqqmu kontra l-Coronavirus. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie indirizzat programm ta’ vaċċinazzjoni. Ta’ min ifakkar li sa ftit ilu, l-iżgħar età ta’ persuni li setgħu jieħdu t-tilqima tal-Covid kienet l-età ta’ ħames snin.

Fearne sostna li bħalma kien intqal qabel, ma jfissirx li għax m’għadux ikun hawn aġġornamenti ta’ spiss dwar il-virus, il-Covid spiċċat. Infatti huwa spjega li issa illi daħlet sew ix-xitwa reġa’ kellna numru ta’ każi aktar għoli milli rajna fix-xhur tas-sajf. Fil-fatt, Fearne ħabbar li f’average ta’ sebat ijiem, kien hemm 31 każ kuljum li għalkemm ma kinux daqstant gravi, kien hemm persuni li spiċċaw l-isptar. Preżentament hemm 18-il persuna l-isptar infettati bil-Covid-19 filwaqt li m’hemmx pazjenti fl-ITU.

Għaldaqstant, Fearne saħaq fuq l-importanza “Li wieħed jibqa’ viġilanti u jieħu t-tilqima wkoll”. Huwa fakkar lill-pubbliku li minn Ottubru beda jingħata l-vaċċin tal-Omicron. F’dan ir-rigward ma naqasx milli jelenka li “L-Omicron għadu varjant dominanti” u ħeġġeġ lill-pubbliku biex dawk kollha li għadhom ma ħadux il-booster, iżuru wieħed miċ-ċentri tas-saħħa tal-għażla tagħhom, bejn l-10:00 a.m. u l-5:00 p.m. fejn wieħed jista’ jieħu l-vaċċin mingħajr ħlas. Fearne fakkar ukoll fit-tilqima tal-influwenza u qal li s’issa kien hemm 10,000 ruħ li ħadu t-tilqima tal-Omicron jew tal-influwenza.

Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid fiċ-Ċina, Fearne qal li qed jesperjenzaw numru akbar ta’ Covid hekk kif iċ-Ċina kompliet tirrilaxxa l-miżuri. Fir-rigward ta’ Malta, Fearne qal li se tkun qed timxi mal-istess passi tal-pajjiżi Ewropej l-oħra fil-każ ta’ passiġġieri li jiġu miċ-Ċina. Intant, fis-sigħat li ġejjin se tittieħed deċiżjoni dwar dan fil-Kunsill Ewropew.

Sport