Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja komplew illum b’quddiesa pontifikali li saret fil-Bażilika Kolleġġjata Marija Bambina tax-Xagħra, Għawdex u li preżenti għaliha kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. Mal-wasla tagħha, il-President ingħatat is-salut nazzjonali u spezzjonat il-Gwardja tal-Unur.

Għada, f’Jum il-Vitorja, iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bit-tqegħid ta’ kuruna mill-President ta’ Malta, akkumpanjata miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta fit-8.30 a.m.

Wara, il-Kumitat Festi Nazzjonali jfakkar Jum il-Vitorja permezz ta’ tqegħid ta’ kuruna fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fejn jiġu mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Dan jiġi segwit minn tqegħid ta’ kuruna mill-Kumitat Festi Nazzjonali mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla, mal-Monument tal-Vitorja fil-Birgu u wara mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju f’Forti Sant’Anġlu.
Iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu bir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir fis-1.00 p.m.
