Monday, May 13, 2024

“Jista’ l-Ministru jara li ssir talba biex l-inkjesta Egrant terġa’ tinfetaħ?”

Jgħid dan id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina

Aqra wkoll

Fil-Parlament waqt is-seduta ta’ filgħodu tqajmet il-kwistjoni tal-inkjesta Egrant u jekk din għandhiex terġa’ tinfetaħ mill-ġdid. Kien id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li staqsa dwar dan.

Hu staqsa waqt il-ħin tal-mistoqsijiet dwar jekk il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana iħossx u dan wara dak li kien intqal f’inkjesta, jekk iħossx li l-inkjesta Egrant għandha tinfetaħ.

Il-Ministru Caruana wieġeb li din il-materjal taqa’ f’idejn ministri oħra u għal din it-tweġiba, Karol Aquilina staqsieh jekk hux bi ħsiebu jagħmel talba biex xi ħaġa simili jitolbuha ministri oħra li taħthom taqa’ din i-materja. 

Il-Ministru wieġeb li “din mhix id-deskrizzjoni tiegħi. Dawn in-nies huma kompetenti  biżżejjed f’xogħlhom. L-istituzzjonijiet jekk iħossu li għandhom jagħmlu xi ħaġa, jistgħu jagħmlu dan u ħadd mhu se jindaħal.”

Għal din it-tweġiba, Karol Aquilina qal li “l-Parlament se jagħlaq 100 sena u  għadna bl-istess problemi ta’ mitt sena ilu.”

Ta’ min jgħid li ftit ġimgħat ilu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien sostna li kulħadd jista’ jinvestiga kemm irid għax m’hemm xejn li hu u familtu għandhom x’jaħbu. Huwa wieġeb b’dan id-diskors għal rapporti lokali li dehru fl-aħħar sigħat li jindikaw li investigaturi fil-Pilatus Bank irrakkomandaw li jkun hemm iktar investigazzjoni biex jaraw jekk saritx transazzjoni ta’ US $1 miljun allegata dwar Egrant, anki jekk ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar dan. 

Muscat żied jgħid li għalkemm hu ma rax ir-rapport imsemmi, jistieden lil kull min jixtieq biex jinvestiga kemm irid. Qal ukoll li jekk mhux diġà ġew mistoqsijin, jittama li l-Istati Uniti jkunu mistoqsija jekk kienx hemm xi flus li ħadu jew hu jew martu. “La jien, la marti u lanqas familti m’għandna x’naqsmu la ma’ Egrant u lanqas ma’ l-ebda transazzjoni, kif diġà kkonkludiet inkjesta indipendenti”, kompla Muscat.

Muscat qal li dan kollu qiegħed iseħħ wara li hu u familtu għaddew minn “kalvarju bbażat fuq firem foloz”, u li ddeterminaw li kellhom raġun. B’hekk hu qiegħed mill-ġdid isostni li ma jiddejjaq xejn jekk ikun hemm aktar tħaffir biex ixejjen anke jekk hemm l-iċken dubju.

Huwa temm jgħid li l-mistoqsijiet li jsegwu pero ma jiġġustifikawx din l-istess konklużjoni li qiegħda toħroġ dwar dawn ix-xnigħat u għalhekk jistaqsi “min se jikkumpensa lill-poplu għall-miljuni li ntefqu u jistgħu jkomplu jintefqu fuq invenzjoni Egrant kontra tiegħi u li saret biex tistabbilizza lill-Gvern? Min se jagħmel ġustizzja mal-familja tagħna fuq din il-gidba?”

Sport