Tuesday, April 30, 2024

“Impenjat li nsaħħaħ, nagħti s-setgħa u nrawwem is-settur tal-volontarjat” – Jesmond Saliba

Il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba jiżvela l-identità u l-iskop ġdid għall-OCVO waqt l-ewwel attività lokali fil-Fgura

Aqra wkoll

“Aħna impenjati li nsaħħu, nagħtu s-setgħa u nrawmu s-settur tal-Volontarjat bħala attur ewlieni soċjoekonomiku. Dan se niksbuh permezz ta’ riforma mmirata li tħejji s-settur għal għada.” 

Il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba qal dan meta indirizza lill-amministraturi tal-Għaqdiet Volontarji fil-Fgura, bħala parti mill-attivitajiet li qed isiru matul il-ġimgħa ddedikata lil Jum il-Fgura. 

Matul l-attività, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji spjega l-viżjoni tiegħu, l-iskop ridefinit tal-Uffiċċju u fejn irid imexxi s-settur tal-volontarjat f’pajjiżna.

L-iskop il-ġdid tal-uffiċċju huwa mmexxi mill-fatt li jagħraf l-importanza tal-għaqdiet volontarji bħala pilastru ewlieni fi ħdan is-soċjetà u l-ekonomija u bil-missjoni aħħarija tal-uffiċċju tal-Kummissarju hija li tippermetti lil dan il-pilastru soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna sabiex jistgħu jwasslu l-benefiċċji soċjali, ċivili u komunitarji. 

Fl-istess ħin, bħala l-korp regolatorju ewlieni tas-settur, l-Uffiċċju tal-Kummissarju jinkoraġġixxi u jinforza l-governanza tal-organizzazzjonijiet volontarji u l-attivitajiet tagħhom biex isaħħu u jipproteġu l-funzjoni tal-volontarjat immirat lejn il-kisba tal-ġid aħħari akbar u komuni. 

Saliba rrimarka li ma setax kien hemm okkażjoni aħjar minn Jum il-Fgura biex titnieda r-riforma li l-Uffiċċju se jkun qed jagħmel kollettivament biex jgħolli s-settur tal-volontarjat. Saliba semma kif sa minn tfulitu kien involut direttament f’numru ta’ għaqdiet volontarji fi ħdan il-komunita’ tal-Fgura u enfasizza kif il-viżjoni ta’ dawk li waqqfu l-għaqdiet, kompliet minn voluntiera diliġenti passjonati li mhux biss ażżardaw joħolmu iżda kellhom viżjoni. 

Il-Kummissarju qal li fl-ewwel ġimgħat tiegħu bħala Kummissarju kellu numru ta’ laqgħat informali ma’ għaqdiet volontarji biex jitfassal proċess ta’ tiġdid li jħejji lill-għaqdiet volontarji għall-futur u jiżgura li l-ħidma nobbli li qed issir bħalissa tibqa’ għaddejja għas-snin. li ġejjin. 

“F’pajjiżna hawn mijiet ta’ individwi li b’tant passjoni jagħtu ħinhom biex eluf ta’ Maltin u Għawdxin jibbenefikaw mill-ħidma ta’ dawn l-istess nies”. Saliba kompla jgħid li dan il-messaġġ għandu jwassalna biex inħarsu lejn il-volontarjat mhux bħala xi ħaġa dilettanta imma bħala element importanti li hu minsuġ fil-kultura Maltija, immexxi minn nies impenjati passjonati. 

Waqt id-diskussjoni, żewġ rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji tkellmu wkoll dwar l-importanza li l-Uffiċċju jibda proċess biex jeduka lill-amministraturi biex jipproteġu l-organizzazzjonijiet volontarji minn dawk li jridu jieħdu vantaġġ mill-vulnerabbiltà tal-għaqdiet volontarji u tas-settur. Iż-żewġ rappreżentanti tkellmu wkoll dwar l-aħjar prattiċi li l-amministraturi u l-organizzazzjonijiet volontarji għandhom jieħdu biex jiżguraw governanza tajba, biex isaħħu s-settur. 

Waqt l-avveniment, Saliba żvela wkoll l-identità l-ġdida għall-OCVO, marka mibnija madwar l-użu tal-ikona tal-‘idejn’ biex tissimbolizza l-għaqda, bl-idejn jiffurmaw ċirku, li jindika li l-Uffiċċju huwa parti mill-katina li tagħmel il-volontarjat 

Fi tmiem l-attività, il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva mis-Sindku Pierre Dalli u l-Kunsillier Mark Lombardo bħala turija ta’ apprezzament għall-ħidma volontarja tiegħu fost il-komunità tal-Fgura matul l-ewwel snin tiegħu. 

Preżenti għal din l-attività kien hemm numru ta’ għaqdiet volontarji li joperaw fi ħdan il-komunità tal-Fgura, dawn kienu jinkludu Girl Guides tal-Fgura, Għaqda Abbatini Karmelitani tal-Fgura, Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu, Għaqda Żgħażagħ, il-Kappillan, Kummissjoni Festa Esterna, Sede Kulturali u Soċjetà u ċ-Ċentru Żgħażagħ Fgura. 

L-Għaqdiet Volontarji – wieħed mill-ikbar Teżori ta’ Pajjiżna – Pierre Dalli, Sindku Fgura

F’diskors tal-okkażjoni li għamel is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli saħaq li “l-Kunsill Lokali li mmexxi jien dejjem ħadem id f’id mal-għaqdiet kollha tal-Fgura u bla ebda pretenzjoni dejjem sibnihom ta’ għajnuna kbira.” Dalli żied jgħid li hu jemmen fihom għaliex hu stess, żmien ilu kien jagħmel parti minn uħud minnhom u għalhekk jaf id- diffikultajiet li jsibu ruħhom fihom speċjalment dawk finanzjarji. “Fl-għaqdiet tagħna li huma ffurmati minn residenti ta’ kull età iżda speċjalment żgħażagħ, dejjem rajt fihom is-sinsla tal-lokal.”

Dalli enfasizza li huwa obbligu “tagħna lkoll, Gvern Ċentrali, Gvern Lokali, Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jaħbtu ma’ dan is-settur li ngħinuhom, li nagħmlulhom il-ħajja faċli, li naraw li minkejja li rridu nassiguraw li l-Għaqdiet tagħna jimxu mar-regoli kollha, ma nkunux aħna stess li bil-burokrazija bla bżonn neqirduhom.”

Fil-konfront tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, is-Sindku qal li huwa konvint li l-Kummissarju Saliba qed jgħamel u ser ikompli jgħamel l-almu tiegħu kollu biex il-ħajja tal-Għaqdiet Volontarji tkun iffaċilitatà kemm jista’ jkun għaliex daqs kemm l-Għaqdiet għandhom bżonn lill-Awtoritajiet fil-ħidma tagħhom, daqshekk ieħor l-Awtoritajiet Ċentrali u Lokali għandna bżonn lill-għaqdiet fil-ħidma tagħna.

Sport