“Jistgħu jgawdu ħajjithom kemm iridu, iżda mhux ġust li biex jagħmlu dan qed idejqu lilna r-residenti.” Hekk stqarr resident minn Għajnsielem ma’ din is-sit wara li grupp ta’ adoloxxenti qegħdin idumu sa tard billejl jagħmlu storbju f’diversi nħawi f’Għajnsielem.
Ir-residenti qegħdin jisħqu li grupp ta’ adoloxxenti li għandhom bejn 12 u 15-il sena qegħdin iqattgħu l-ħin liberu fi spazji miftuħa, ħafna drabi spazji rranġati mill-Kunsill Lokali.
“Ma hemm xejn ħażin li dawn l-adoloxxenti jagħmlu użu minn dawn l-ispazji miftuħa għax wara kollox il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem għalhekk jirranġhom … iżda lanqas ma hu sew li fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu qed ikun hemm ħafna għajat u storbju bil-konsegwenza li aħna mhux qegħdin inkunu nistrieħu,” stqarr resident.
Minn stħarriġ li għamel dan is-sit jirriżulta li allegatament dawn l-addoloxxenti anke qegħdin iwettqu xi vandaliżmu f’diversi nħawi ta’ Għajnsielem fosthom ġie allegat li wettqu ħsara fuq art ta’ bandli li kienet għada kemm saret ġdida mill-Kunsill Lokali.
Residenti oħrajn minn Għajnsielem qalulna li dawn l-istess adoloxxenti qegħdin iħallu ħafna skart warajhom u għalkemm hemm il-bins apposta xorta waħda mhux jużawhom bil-konsegwenza li l-ħaddiema tal-Kunsill filgħodu qed ikollhom inaddfu kullimkien.
Intant, il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem fi stqarrija li ħareġ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook kiteb li “filwaqt li nifhmu li postijiet ta’ mistrieħ u divertiment għat-tfal adolexxenti huma limitati, xorta mhux aċċettabli li jsir storbju, ħsarat u f’ċertu każijiet anke vandaliżmu fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu inkluż rapporti ta’ storbju u għajjat eseġerat sa 2am.
Filwaqt li għadna recordings minn CCTVs u ritratti minn ġirien u se nkunu qed nitkellmu mal-Puluzija tal-Kommunità dwarhom (wħud diġà kienu mwissija) se naraw li jiżdiedu patroling mill-pulizija mal-lejl. Nappellaw lil dawn iż-żgħażagħ għar-rispett lejn l-kommunità.”