Sunday, July 27, 2025

Jitfakkar l-Assedju ta’ Għawdex 1551

Aqra wkoll

Is-Sibt 26 ta’ Lulju, taħt l-arloġġ taċ-Ċittadella, il-Kumitat taċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jippreżenta avveniment storiku, serata mimlija storja, mużika b’tifkira tal-Assedju ta’ Għawdex tal-1551.

Din il-ġrajja tal-Assedja ma seħħetx fis-swar taċ-Ċittadella kif nafuh illum. Skond l-istoriku l-Kan. Ġann Piet Aġius De. Soldanis jingħad li l-ebda kittieb ma ħalla xejn bil-miktub fuq din il-belt il-qadim. Skond sinjali tal-pedamenti li instabu jindigaw li din il-belt kienet tibda mil-ħajt tal-belt min naħħa tat-tramuntana u tal-lvant, jaqsam il-ħaġġarija sal-ħabel ta’ l-isptar, fejn illum hemm is-salib li juri l-limiti tal-knisja tal-Matriċi, dari kien il-bieb ewlieni ta’ din il-belt, illum imsejjaħ ta’ Putirjal, kien hemm ħajt ieħor li jibqa sejjer lejn iz-zuntier ta’ Sant Wistin, fejn kellu bieb li jagħti għal l-Għajn il-Kbira u ħajt li jibda miz-zuntier ta’ Sant Wistin li jibqa sejjer sa taħt il-Kastell fejn jingħad li dan il-Kastell kellu erbgħa torrijiet, wieħed f’kull kantuniera.

Din il-ġrajja traġika seħħet f’dawn l-inħawi tal-Kastell, illum Ċittadella, 474 sena ilu. Kien fl-Lulju tal-1551, meta l-flotta Torka immexxija minn Sinan Paxa u Dragut Reis ħabted għall- gzira t’Għawdex u wara assedju qasir bis-suldati Torok flimkien mal-furbani ta’ Barbarija irnexxielhom jidħlu fil-Grann Kastell. Minn hemm kaxkru tista’ tgħid lil poplu kollu ta’ din il-gzira lejn l-eżilju. Jingħad li wieħed mid-difensuri jismu Bernardo Dupuo, magħruf bħala Bernardo da Fonte jew de Opuo, iġġieled bil-qalb meta l-Ottomani kisru l-ħitan tal-belt u pprefera l-mewt fuq l-iskjavitù, qabel ma inqatel hu mil-għedewwa qatel lil martu u uliedu, għax ma xtaqx li iħallihom ibagħtu bħala skjavi taħt l-għedewwa. Wara l-ħerba ta’ serq u attakki li ħallew is-suldati Toroq fil-gzira t’Għawdex kien għad fadal ftit nies jgħixu Għawdex, fosthom dawk li laħqu ħarbu min naħa ta’ wara tal-Kastell.  

Ftit minn dawn l-imsejkna rnexxilhom jerġgħu jirritornaw lura lejn arthom, oħrajn għebu għal kollox. Kienet traġedja li ħalliet lil Għawdex għal żmien twil bħala gżira tal-iħirsa. Għalhekk ta’ kull sena għall-aħħar ta’ Lulju niftaqru f’dawn in-nies li ġew imkaxkra lejn il-jasar ‘l bogħod min art twelidhom.

Kelliema għal din is-serata kienu Mons. Dr. Joseph Bezzina, fejn ta’ tagħrif dwar din il-ġrajja stirika, is-Sur Carm Cachia l-awtur ktejjeb ta’ l-Assedju ta’ Għawdex fejn qara’ siltiet min dan il-ktejjeb, filwaqt il-prezentatriċi Maria Aquilina Caruana qrat poeżiji marbuta ma’ din il-ġrajja fosthom, “Il-Kastell t’Għawdex” ta’ Mons. Ġius. Farrugia  Gioioso; kif ukoll “Għannejja” meħudha mill-ballata ta’ Ġanninu Cremona, “L-Assedju ta’ Għawdex 1551”. Ħadu sehem ukoll il-group mużikali Cordia Quartet. Fi tmien is-serata dawk prezenti poġġew kuruni ta fjuri ħdejn il-monument ta’ l-assedju.    

Strofa mil-poeżija “Għannejja”.

Tlitt ijiem ta’ Assedju ntemmu,

x’ħin kull nisel tal-gżira Għawdxija

marbutin qishom bhejjem inġarru

mis-sibbiena lejn art barranija.

U għabbewhom, kif jgħidu fuq ġifna,

minn fuq blata ta’ Ras in-Nawwiela

fost l-insulti, tgħajjir u kliem faħxi

ta’ nies ħorox, kefrin u ħalliela.

Strofa mil-poezija ta’ Mons. Ġius. Farrugia  Gioioso ‘Il-Kastell t’Għawdex’.

Ġrajjietek kbar, ġrajjiet ta’ żmien ix-xwieni,

jafhom ir-rand li għadu jgħidhom b’demgħa,

‘il-kappar li fuq xfar għajnejk jinġema’

f’tikmix ħaddejk,kull sajf, filgħodu kmieni. 

Grazzi u Tislijiet

Joe Grech

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport