Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ħabbar is-suċċess tal-inizjattiva “Connecting Classrooms”, proġett pijunier iffinanzjat permezz ta’ fondi ta’ Overseas Development Assistance, immirat li jrawwem skambju kulturali u kollaborazzjoni edukattiva bejn Malta u l-Etjopja.
F’era ddominata mill-konnettività diġitali, il-kunċett tradizzjonali ta’ penfriends jista’ jidher kemxejn antik. Madankollu, għal miljuni ta’ studenti fl-Afrika, il-konnettività tibqa’ privileġġ minħabba ċerti ostakli bħal fosthom l-aċċess limitat għall-kompjuters u l-aspett finanzjarju tal-konnessjonijiet diġitali. Filwaqt li tirrikonoxxi din id-disparità, l-inizjattiva “Connecting Classrooms” tfittex li tnaqqas dan id-distakk billi tiffaċilita impenn strutturat bejn studenti f’Malta u l-Etjopja.
Il-proġett, li għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu fl-Iskola Kidane Mehret f’Addis Ababa, għandu sinifikat partikolari peress li ġie stabbilit mill-missjunarji Maltin, bis-sorijiet Maltin tal-Ordni ta’ San Franġisk għadhom jamministraw l-iskola sal-lum. Imsieħba mal-Iskola San Ġużepp Mater Boni Consillii f’Malta, l-inizjattiva ffaċilitat skambji bejn bosta studenti matul is-sena li għaddiet, u dar tagħlin dwar suġġetti li jvarjaw minn drawwiet u tradizzjonijiet kulturali sa passatempi u stejjer folkloristiċi nazzjonali.
Permezz ta’ dawn l-iskambji, l-istudenti mhux biss tejbu l-ħiliet tagħhom f’dik li hi preżentazzjoni u fl-informatika iżda wkoll wessgħu t-tagħlim tagħhom dwar kulturi globali filwaqt li ssawru ħbiberiji madwar il-kontinenti. Il-proġett mhux biss serva għal għanijiet edukattivi iżda żied ukoll l-għarfien tad-diversità kulturali u s-similaritajiet, u tejjeb l-esperjenza tat-tagħlim tal-istudenti.
Il-Ministeru estenda l-gratitudni tiegħu lill-istaff u l-għalliema dedikati taż-żewġ skejjel, b’mod partikolari l-kontribuzzjonijiet tas-Sa Cristina Spiteri, is-Sa Mary Grace, is-Sur Zelalem, u s-Sur Dawit, kif ukoll il-kapijiet rispettivi Dr Kenneth Vella u Sister Laetitia Borg mill-Iskola Kidane Mehret. Apprezzament speċjali ġie estiż ukoll lill-konsulent tal-proġett David Watkins għall-appoġġ imprezzabbli tiegħu.
L-inizjattiva “Connecting Classrooms” għandha l-għan li tespandi l-firxa tagħha billi timpenja ruħha ma’ aktar skejjel u studenti madwar l-Etjopja u Malta, biex b’hekk tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ ħbiberija u fehim bejn iż-żewġ pajjiżi.