Friday, October 4, 2024

Riforma importanti favur kwalità fis-settur tat-temping agencies

Aqra wkoll

Il-proċess fit-twettiq tal-liġi li tirregola t-temping agencies, l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna, għaddej b’ritmu tajjeb ħafna.

Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul meta indirizza laqgħa ta’ informazzjoni għall-operaturi ta’ dawn l-aġenziji, f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta. Din il-laqgħa saret hekk kif mill-bidu tax-xahar li ġej ser jibdew joħorġu l-ewwel liċenzji lill-operaturi tal-aġenziji tax-xogħol u dan sabiex ikunu jistgħu jibdew joperaw taħt dan il-qafas regolatorju ġdid.

Meta kien qed jindirizza lil dawn l-operaturi, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li l-għan ta’ din il-liġi, li kienet parti mill-manifest elettorali, se tara li s-settur tax-xogħol f’pajjiżna se jkun wieħed serju u professjonali. “Din il-liġi se tara li pajjiżna jattira ħaddiema ta’ kwalità taħt kontroll u se jaħdmu biss f’setturi li hemm bżonnhom”, sostna s-Segretarju Parlamentari.

Dr Andy Ellul appella lit-temping agencies li għadhom ma applikawx għal-liċenzjar biex japplikaw mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg. Hawnhekk ġie mfakkar kif imbagħad mill-bidu ta’ Ġunju, se jibda l-infurzar. Dan biex jingħata ċ-ċans biżżejjed lil dawk li jkunu applikaw lejn l-aħħar, sabiex ikollhom id-dokumenti neċessarji.

Preżenti għal din il-laqgħa ta’ informazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER), Diane Vella Muscat.

Sport