Tuesday, December 24, 2024

Jitħabbar Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal għall-perjodu 2022-2030. Pjan li se jkabbar u jsaħħaħ l-isforzi li diġà saru sabiex ikun żgurat li l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tat-tfal, b’mod partikolari dawk vulnerabbli, jkunu milħuqa. 

Fost numru kbir ta’ miżuri ġodda li se jitwettqu fis-snin li ġejjin hemm iż-żidiet fiċ-children’s allowance li jitħallas lil ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena u żidiet fl-inwork benefit imħallas lil ġenituri li jaħdmu ta’ tfal taħt it-23 sena. 

Il-pjan isemmi wkoll id-dħul ta’ sistema ta’ tapering għall-allowance ta’ fostering, it-tnaqqis fit-taxxa bil-għan li jkun hemm aktar flus f’idejn il-ġenituri u l-familji u l-estensjoni tal-inizjattiva ta’ tablet għal kull tifel u tifla kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ laptop ġdid lil kull student.

Ma’ dawn hemm ukoll l-estensjoni għas-servizz taċ-childcare b’xejn għat-tfal kollha rrispettivament minn jekk il-ġenituri tagħhom jaħdmux jew le, it-tqassim ta’ sett kotba lit-tfal kollha tal-iskola primarja, is-servizz tal-internet bażiku u uniformi b’xejn kull sena għal dawk l-aktar vulnerabbli u l-estensjoni tal-inizjattiva tal-iskema 9 biex it-tfal eleġibbli ma jkollhomx għalfejn jagħżlu mis-servizzi offruti iżda jkunu eleġibbli għalihom kollha.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musù qal li t-tfal minn dejjem kienu prijorità assoluta fil-ħidma u l-politika ta’ dan il-Ministeru. 

Qal li fl-aħħar snin saru diversi sforzi sabiex jonqos il-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal. Fil-fatt huwa semma kif mill-2013 sal-2020 kien hemm tnaqqis ġenerali ta’ madwar 6,000 tifel u tifla fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

“Jeħtieġ li dawn l-isforzi jiġu sostnuti u kkonsolidati aktar bil-ħsieb li jiġi żgurat li t-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqs biex jirnexxu. Il-pjan ta’ azzjoni nazzjonali se jkun pass ieħor fundamentali li jiżgura li t-tfal kollha, speċjalment dawk vulnerabbli jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jiffjorixxu u jilħqu l-potenzjal tagħhom irrispettivament mill-pożizzjoni tat-tluq tagħhom,” tenna s-Sur Musù.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittjiet tat-Tfal Dr Michael Falzon sostna li t-tfal se jkunu l-adulti ta’ għada imma huma parti mis-soċjetà tal-lum. “La huma parti mis-soċjetà tal-lum għandna dmir u dover kif se noffru l-aħjar opportunitajiet lit-tfal tagħna. Irridu naraw li t-tfal jimxu ‘l quddiem.”

Il-Ministru Falzon tenna li l-enfasi se tkun li kull tifel u tifla jkollhom il-potenzjal jimxu sa fejn jistgħu jaslu. Qal ukoll li rridu naraw li pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem u rridu nibqgħu nagħtu l-għajnuna lil min għandu bżonnha.

Ekonomija

Sport