Friday, November 15, 2024

Jitħabbar proġett ieħor ta’ tħaddir fl-urban fil-Birgu b’investiment ta’ nofs miljun ewro

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar proġett ta’ tħaddir fl-urban fil-Birgu b’investiment ta’ nofs miljun ewro. 

Is-sit magħżul għal dan il-proġett jinsab fil-periferija tal-Birgu u għalhekk se jkun jista’ jintlaħaq faċilment mir-residenti tal-Kalkara u Bormla. 

Dan il-proġett se jkun qed jikkonsisti f’erba’ żoni differenti, li se jinkludi żona għal picnics li se tkun mgħammra bi mwejjed u bankijiet. Se jkun hemm ukoll spazju aħdar miftuħ li se jagħmel parti miż-żona rikreattiva u anke play-area b’tagħmir tal-logħob għat-tfa, filwaqt li f’żona oħra se jkun hemm anke park tal-klieb. 

Il-Ministru Farrugia qal li dan hu proġett ieħor li se jkun qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Siti bħal dawn qed joffru post sigur lir-residenti biex ikunu jistgħu jgawdu spazji ħodor u miftuħa viċin djarhom. Il-Ministru Farrugia qal li dan is-sit se jkun qed jiġi mnaddaf, u se jitneħħew ukoll il-pjanti invażivi. Dan se jippermetti li jinħolqu passaġġi għall-aċċess konvenjenti ta’ kulħadd. F’dan il-proġett, bħal proġetti oħra simili, se jkunu qed jintużaw materjali naturali bħall-injam sabiex jikkumplimentaw il-madwar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li GreenServ bħalissa għaddejja b’numru ta’ proġetti f’diversi lokalitajiet, fosthom il-Ħamrun, Ħaż Żabbar, Ħal Luqa u Ħal Qormi. GreenServ se tkun qed tagħmel ukoll xogħlijiet fil-Ġnien ta’ San Anton, u bħalissa għaddejja bl-istudji neċessarji biex Triq Sant’Anna fil-Furjana tinbidel f’żona pedonali, kif ukoll bil-proġett tat-tisqif tal-mini ta’ Santa Venera.

Ekonomija

Sport