Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata tal-binja tad-Domus Curialis se jibdew fil-jiem li ġejjin. Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-ministru spjega li x-xogħlijiet li se jsiru fuq din il-binja, li tinsab biswit il-Knisja tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, se jkunu qed jiġu kkoordinati mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li “Dan il-proġett huwa xhieda oħra ta’ kemm dan il-gvern japprezza l-wirt storiku ta’ pajjiżna u b’hekk qed jgħin sabiex jiġu rrestawrati binjiet antiki fil-qalba tal-komunitajiet.” Huwa kompla jgħid li permezz ta’ dan il-proġett se tkompli tingħata ħajja ġdida lill-elementi oriġinali tal-wirt arkitettoniku tal-Belt Valletta.
Ix-xogħlijiet fuq id-Domus Curialis se jinkludu t-tindif totali tal-faċċata ta’ ħames sulari kif ukoll ir-restawr tal-gallariji tal-injam u tal-ħadid li attwalment fihom diversi ħsarat. Barra minn hekk, se jinbidlu wkoll il-bażijiet tal-gallariji u s-saljaturi li jinsabu fi stat ħażin. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
L-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, Kan. David Cilia, wera l-apprezzament tiegħu għal din l-għajnuna li mingħajrha kien se jkun ferm diffiċli biex isiru l-interventi meħtiega fuq din il-binja.
Id-Domus Curialis inbniet madwar 140 sena ilu u matul iż-żmien serviet għal diversi għanijiet soċjali u reliġjużi. L-istil tagħha jikkumplimenta l-faċċata tal-knisja li kienet reġgħet saret mill-ġdid fl-1885 skond id-disinn neo-klassiku tal-perit rinomat Nikola Zammit.