Wednesday, December 25, 2024

Jitħabbru dettalji dwar il-ħidma li qed titwettaq fir-riforma tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, taw aġġornament fuq il-progress tar-riforma li qed tiġi implimentata fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Huma semmew numru kbir ta’ inizjattivi li ġew mwettqa bil-għan li jiġu mħarsa aktar id-drittijiet tal-annimali.

Fost il-progress li sar tul din l-ewwel sena mir-riforma, issemmew diversi kisbiet li seħħew mis-seba’ pilastri li huma parti mir-riforma, fosthom in-numru ta’ ħaddiema fejn jidħlu l-kontrolli u s-salvataġġ li żdiedu b’50% tal-ħaddiema li kien hemm, in-numru għar-rapporti f’każijiet ta’ emerġenza jew allegati abbużi inbidel sabiex issa dawn it-telefonati qed jittieħdu mir-rappreżentanti ta’ Servizz.gov fuq 153 – extension 17 biex ikun hemm aktar rispons f’waqtu u effettiv, kif ukoll żdiedu żewġ ambulanzi ġodda mogħnija bl-aħjar teknoloġija għas-salvataġġ tal-annimali.

Il-Ministru Anton Refalo elenka l-ħidma li qed issir sabiex dan is-settur ikompli jkun wieħed ta’ kwalità. “Permezz ta’ din ir-riforma, li naf kemm qed issir ħidma sabiex titwettaq kompletament sal-2026, se naraw li d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jissaħħaħ u jingħata r-riżorsi meħtieġa favur l-annimali tagħna. Kommessi li tkompli l-ħidma fuq is-seba’ pilastri ta’ din ir-riforma favur il-ħarsien tal-annimali.”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said faħħret l-operat tad-Direttorat u qalet “Qed naraw il-frott tar-riforma li bdejna lejn l-aħħar tal-2022 fejn anki n-numru ta’ telefonati ttriplikaw biex din is-sena rajna diġà aktar minn 10,000 telefonata. Qed jiżdiedu l-kontrolli, konfiski, u anki passi dixxiplinari fejn jidħlu moħqrija tal-annimali, biex b’hekk inħarsu aktar id-drittijiet tal-annimali,” qalet is-Segretarju Parlamentari.

Waqt il-konferenza ġie ppreżentat ukoll stħarriġ li sar minn Dr Vincent Marmara dwar id-Direttorat tal-Animal Welfare. “Minn dan l-istħarriġ jidher biċ-ċar kemm l-impenn li qegħdin iwettqu l-ħaddiema kollha tal-Animal Welfare qiegħed jinħass anki fost il-pubbliku fejn kważi 90% ta’ dawk li ġew mistoqsija, għandhom fiduċja fix-xogħol li qiegħed iwettaq id-Direttorat,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Sajd.

Ekonomija

Sport