Sunday, December 29, 2024

Jitħaddtu Malti tajjeb minkejja għexieren ta’ snin emigrati fl-Amerika

Maltin fiċ-ċentru ta’ New York iwissu dwar il-periklu li nitilfu l-identità li tagħmilna uniċi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-familja hija dik il-ħaġa li żżommhom milli jiċċaqalqu mill-Amerika lura lejn art twelidhom. Iżuru Malta kważi kull sena u kburin ħafna bl-għeruq tagħhom. Għalihom il-lingwa Maltija hija l-identità tagħhom minkejja għexieren ta’ snin jgħixu daqstant ’il bogħod. Din hija deskrizzjoni ħafifa ta’ numru ta’ persuni li Talk.mt iltaqa’ magħhom fi żjara li kellu fl-aħħar jiem fi New York. Iltqajna ma’ grupp ta’ Maltin, li speċjalment fi tmiem il-ġimgħa l-hena tagħhom jiltaqgħu fiċ-ċentru tal-Maltin fi New York.

Grupp ieħor kienu qegħdin jilagħbu l-boċċi fin-naħa ta’ wara taċ-ċentru u waqt il-logħba li jieħdu pjuttost b’serjetà spikkaw kelmiet partikolari ta’ kif iwaddbu fosthom “fendi oħra”, terminu użat għall-mod kif il-persuna li jkun imissu jwaddab għandu jitfa’ l-boċċa.

Inċentiv biex jemigraw minħabba nuqqas ta’ opportunità ta’ xogħol

Huma qasmu magħna l-esperjenzi tagħhom u kif għexieren ta’ snin ilu kienu inċentivati biex jitilqu minn Malta biex isibu opportunitajiet ta’ xogħol barra mill-pajjiż. Huma fakkru kif ċertu ammont ta’ nies kienu jingħataw dan l-inċentiv biex joħorġu u li l-biċċa l-kbira kienu jmorru lejn il-Kanada.

Qalulna dak iż-żmien Malta kien hemm problema għax kont tmur għax-xogħol u tispiċċa b’imsarnek f’saqajk jekk min iħaddmek huwiex se jasal biex iħallsek. Żiedu jgħidulna li dak iż-żmien kienu jaħsbu li kienu se jmorru l-Amerika biex jagħmlu sentejn u jirranġaw daqsxejn il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom, iżda maż-żmien minħabba raġunijiet varji huma spiċċaw għażlu li jibqgħu jgħixu hemm.

B’$20,000 lanqas tibda imma tużżana pastizzi $39

Ma’ John, Larry, Gino, Carmelo u Angelo tkellimna dwar diversi suġġetti u fost l-oħrajn qalulna dwar il-fatt li f’Malta m’hemmx l-obbligu ta’ ħlas ta’ taxxi varji bħalma huma manutenzjoni tal-post fejn tgħix, taxxi fit-toroq għall-manutenzjoni ta’ infrastruttura bħalma huma pontijiet u għas-servizzi tas-saħħa fost affarijiet oħra. L-irġiel qalulna li llum il-ġurnata tant hemm spejjeż u ħajja għalja fi New York li sempliċi Porter f’lukanda għandu paga ta’ madwar $70,000 fis-sena. Hawnhekk huma fetħulha fuq l-ispejjeż biex tixtri appartament fiċ-ċentru tal-belt u li l-prezzijiet saħansitra jmissu l-miljun dollaru u li biex iżżomm tali post trid bejn it-12,000 u l-15,000 dollaru.

Rigward l-ispejjeż tal-ikel, b’żewġ pastizzi quddiemhom huma qalulna li tużżana pastizzi tiġihom $39 tant li ċċajtaw jgħidulna li minn Malta titħajjar tixtri biċċa baqra b’dak il-prezz.

Lingwa li tagħtina identità li l-Amerikani ma jista’ qatt ikollhom

Mistoqsijin xinhi l-iktar ħaġa li huma kburin biha f’Malta, l-irġiel qalulna li minn daqstant bogħod jistgħu jifhmu kemm bħala Maltin sfortunatament ma napprezzawx kemm għandna lingwa unika u sabiħa. Qalulna li għalkemm jgħixu f’belt daqshekk kbira bħalma hi New York u li huma parti mill-Amerika, huma jużaw primarjament lingwa li jużaw popli sħaħ madwar id-dinja li hija proprju l-Ingliż.

“Aħna naħarbu mill-familji tagħna biex niltaqgħu hawn u nużaw il-lingwa li tagħtina identità. Mal-familji tagħna diffiċli biex tuża l-Malti imma xi wħud għandhom l-opportunità li jiġu jitgħallmu l-lingwa minn hawn ukoll”, komplew biex jgħidulna b’referenza għall-klassijiet li joffri ċ-ċentru għat-tfal li kull ġimagħtejn jattendu għal lezzjonijiet tal-Malti offruti minn għalliema fi Brooklyn.

John jew Ġanni kif qalilna hu stess biex insejħulu, iddikjara li hu jħossu ferm kburi li dak li tgħallem fil-familja meta kien żgħir ma’ missieru, ġarru miegħu lejn l-Amerika u li llum li jiġi għal idejh jippruvah. Waħda minn dawn l-affarijiet hija proprju l-ħasira li għall-ġirien hija xi ħaġa li ssorprendew ruħhom meta rawh iwaħħalha mal-bieb ta’ barra. Qalilna li minflok qasab juża l-bamboo u li għalkemm hija iżjed diffiċli minħabba li bħala materjal huwa iżjed fraġli u rqiq, is-sodisfazzjon li tifforma purtiera daqstant pulita hija xi ħaġa indeskrivibbli għalih.

Minkejja l-opportunitajiet, l-isfidi kienu kbar

Ma naqsux milli jsemmu lil uliedhom u l-fatt li minħabba li huma mdaħħlin sew fiż-żmien, illum l-għena tagħhom li jqattgħu kemm jista’ jkun ħin man-neputijiet. Spikkat madanakollu l-ispirazzjoni tagħhom għal dawk iż-żgħażagħ li jaspiraw li jirnexxu fil-karrieri tagħhom.

Larry qalilna li faċli ssib min jiġġudikahom li ma raw xejn għajr il-flus li kienu jaqilgħu, iżda minkejja l-opportunità, hu kien għamel l-aqwa żmien ta’ ħajtu minn xogħol għal xogħol biex seta’ jħallas l-edukazzjoni kollha ta’ wliedu u kellhom jkunu proprju fl-aħħar snin li jasal fl-istadju fejn jista’ jiddedika dawn is-sigħat kollha biex iwassal lin-neputijiet għall-attivitajiet sportivi fost taħriġ ieħor li hu qalilna li kuntent ħafna li jinvesti fihom.

Carmelo, li bejn ċajta u oħra ma naqsux il-botti għall-fatt li hu rnexxa pjuttost iżjed mill-bqija madwar il-mejda fejn jidħol negozju, qalilna li s-sigriet biex tirnexxi huwa li tagħmel xogħol li tħobb. Qalilna li dejjem trid issib x’jimmotivak iktar milli raġunijiet għalfejn iċċedi. Sostna li mhux dejjem se jiġuk ġranet tajbin, se jkun hemm esperjenzi koroh u mumenti fejn tħoss li l-aħjar ħaġa tkun li ċċedi, iżda jkun fil-mument li toħroġ minn dawk il-mumenti ibsin li tikkonferma kemm kapaċi tirnexxi fil-karriera.

Iħobbu jirritornaw mill-inqas darba fis-sajf

Staqejna dwar kemm ikunu ħerqana biex iżuru Malta u Għawdex, anke minħabba li l-maġġoranza tagħhom iktar issib li huma Għawdxin. Huma qalulna li għalihom Malta tibqa’ l-isbaħ post biex iqattgħu s-sajf anke minħabba li fi New York it-temp tas-sajf huwa insapportabbli. Minkejja li mhux kollha jarawha l-istess, huma kkonfermaw li jagħmlu mezz biex jiġu minn tal-inqas darba u li jqattgħu bejn tliet u sitt ġimgħat.

Li hu żgur huwa li għalihom il-familja hija xi ħaġa li mhux biss iżżommhom milli jirritornaw, imma tgħinhom japrezzaw bla qies lil dawk li ħallew warajhom. Fakkru li kien hemm żmien fejn minkejja li spiċċaw anke jisselfu l-ewwel pagamenti biex jemigraw, mal-ewwel ħlas tagħhom fl-Amerika, huma kienu jħossuhom fid-dmir li jibagħtu l-flus lejn Malta biex il-ġenituri tagħhom setgħu jkampaw minħabba li kien hemm żmien li lanqas kien ikollhom flus għall-affarijiet bażiċi.

Iħoss li d-delizzji naqsu u li kienu jilagħbu bix-xejn

Angelo li huwa karattru iżjed tar-raħal qalilna li hu jinsab pjuttost sorpriż għall-mod kif illum spiċċaw id-delizzji u fakkar kif meta kienu żgħar huma kienu jonsbu bil-kwiet mingħajr indħil u li anke jekk għasafar ftit li xejn kienu jaqbdu, kienu jgħixu kuntenti u anke jinvestu ħafna flus biex jieħdu ħsieb l-għasafar tagħhom. Sostna li mix-xejn dak iż-żmien kienu jivvintaw biex jilagħbu u li anke b’żewġ ġebliet kienu jivvintaw logħba, jargumentaw u ftit wara jerġgħu jkunu qegħdin jidħku flimkien.

Uħud jippreferu residenza tagħhom, oħrajn jippreferu jikru

Esprimew opinjonijiet varji dwar il-fatt li jkollhom residenza tagħhom f’pajjiżna għal meta jżuruna. Filwaqt li wħud qalulna li jippreferu li jiġu f’Malta jew f’Għawdex u jaqbdu u jissetiljaw meta u xħin riedu, oħrajn qalu li ladarba jirtiraw ikunu f’pożizzjoni li jaffordjaw jikru lukanda u mingħajr inkwiet ta’ xejn bħalma huma min se jnaddfilhom il-post qabel jiġu jew li jqabbdu lil min joħdilhom ħsieb il-manutenzjoni tal-post biex ikunu komdi ladarba jaslu.

150 membru …

Fl-aħħar kummenti tagħhom ma’ dan il-ġurnal huma qalulna li sfortunatament mill-eluf ta’ Maltin li qegħdin imxerrdin mal-Amerika kollha, fiċ-Ċentru ta’ New York hemm 150 membru, xhieda ta’ kemm il-komunità qiegħda tixjieħ u li ż-żgħażagħ kulma jmur qegħdin inaqqsu milli jattendu.

“Għalkemm ma ngħixux Malta nagħmlu bosta attivitajiet li jgħaqqduna bħala Maltin fosthom il-festa tal-Imnarja, Santa Marija, l-Vitorja fost diversi oħrajn li jgħinuna nippriservaw il-kultura li tant hija għal qalbna. Għalina Malta hija ommna u New York missierna”, temmew jgħidulna.

Ekonomija

Sport