Li xi ħadd jitlef membru tal-familja mhijiex ħaġa faċli, speċjalment jekk il-mewt tolqot aktar minn membru wieħed tal-familja fl-istess waqt. Din hija s-sitwazzjoni li għadda minnha Jamal al-Durrah li għadu kif tilef lil żewġ membri tal-familja f’attakki mill-ajru mill-Iżrael fuq Gaża.
Jamal al-Durrah kien sar famuż meta tilef lill-ibnu madwar 23 sena ilu fi triq f’Gaża waqt li kienu jistkennu mill-balal sparati fuqhom mill-forzi Iżraeliti. L-iben kien intlaqat mit-tiri u miet f’ħoġor missieru.
Filmati meħuda mill-cameraman Talal Abu Rahma u ritratti kienu wrew lil Jamal b’mod iddisprat għall-aħħar, jipprova jipproteġi u jkenni lill-ibnu mit-tiri tal-forzi Iżraeljani waqt l-għajjat u l-paniku tan-nies minħabba l-istess attakk.
Ir-ritratti tal-qtil ta’ iben Jamal dakinhar ixxukkjaw lid-dinja u t-tnejn saru simbolu li jiddefinixxi t-tieni rewwixta Palestinjana. Issa, snin wara, Jamal qiegħed jaffaċċja l-istess sitwazzjoni, dik li jidfen żewġ membri oħra tal-familja tiegħu.
Dwar l-istess sitwazzjoni, fuq Twitter beda jinxtered filmat ta’ Jamal li kien jinsab imbikkem ħdejn ħutu li kienu mkeffna f’lożor bojod. Fl-istess filmat, huwa jinstema’ jgħid; “Alla ikollok ħniena minna u mill-martri kollha tiegħek. J’Alla Alla jagħtina l-paċi li d-dinja tant għandha bżonn bħalissa”.