Wednesday, July 17, 2024

“L-istatistika turi li s-serq f’Għawdex qed jonqos”

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Kenneth Haber

Aqra wkoll

Il-Pulizija kkonfermat li l-kriminalità f’Għawdex, b’mod partikolari s-serq, kulma jmur qiegħda tonqos. Il-livell ta’ kriminalità f’Għawdex kienet diskussa f’sessjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet t’Għawdex fejn l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Kenneth Haber ikkonferma li ma hemmx allarm fir-rigward tas-serq u l-istatistika tikkonferma dan. 

Huwa kien qed iwieġeb mistoqsijiet diretti mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fosthom jekk l-istatistika hix qiegħda turi li s-serq f’Għawdex qiegħed jonqos. Min-naħa tiegħu, l-Assistent Kummissarju Kenneth Haber wieġeb “iva” b’mod kategoriku.

L-għan tal-laqgħa ta’ dan il-Kumitat kien sabiex tkun diskussa s-sigurtà fil-gżira Għawdxija. Bħalissa f’Għawdex hemm Supretendent, tliet Spetturi, Surġenti u Kuntistabbli li flimkien jammontaw għal 121 uffiċjal.

L-Assistent Kummissarju Haber fakkar ukoll li l-Għases tal-Pulizija tar-Rabat, Marsalforn u tal-Imġarr jibqgħu miftuħin 24 siegħa kuljum filwaqt li fis-sajf tinfetaħ l-Għassa tax-Xlendi u Kemmuna. Barra minn hekk, hemm ukoll timijiet ta’ community policing li jkopru Għawdex kollu, u karozza tal-pulizija li ddur matul il-ġurnata kollha, billejl u binhar, fil-lokalitajiet kollha tal-gżira Għawdxija. 

Skont il-kriminologu, il-Prof. Saviour Formosa, fuq bażi ta’ reġjun, Għawdex huwa aktar sigur minn Malta. Fil-fatt filwaqt li f’Malta jsiru medja ta’ 29 reat għal kull 1,000 f’persuna, f’Għawdex dan jinżel għal 24 reat. 

Fil-kummenti tiegħu fi tmiem il-laqgħa tal-Kumitat, il-Ministru Clint Camilleri appella sabiex inkunu ferm aktar responsabbli u ma nibqgħux inkunu allarmisti biex “nidhru ftit fuq il-midja u ntellgħu ritratti tagħna nfusna”. Qal li b’din l-attitudni ntellfu lir-ristoranti, bars, lukandi, self-catering u l-industrija kollha tat-turiżmu b’biża’ sproporzjonata. 

“Għawdex tagħna rriduh jibqa’ jattira lejh investiment, turisti, xogħol u ġid. Għawdex bl-identità distinta tiegħu. Il-viżjoni ta’ Għawdex gżira tal-villaġġi nemmnu fiha bil-fatti,” tenna l-Ministru Camilleri.

Ekonomija

Sport