Friday, July 19, 2024

Jitlesta l-proġett infrastrutturali fuq Triq il-Marfa lejn it-Terminal taċ-Ċirkewwa

Aqra wkoll

Tlestiet il-ħidma fuq il-proġett infrastrutturali bil-għan li tiffaċilita u torganizza b’mod aħjar it-traffiku madwar it-Terminal taċ-Ċirkewwa. Dan seħħ billi tlestiet korsija kontinwa ddedikata għall-karozzi li sejrin lejn Għawdex mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-Terminal taċ-Ċirkewwa.

Waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet fuq dan il-proġett, Infrastructure Malta wettqet ukoll il-manutenzjoni meħtieġa. Permezz t’investiment ta’ €7 miljun qed jiġi ffaċilitat it-traġitt għal persuni li jridu jaqsmu l-fliegu mingħajr ma jingħalaq l-aċċess għal partijiet ta’ madwar it-Terminal għal ħaddiema, it-trasport pubbliku u traffiku li ma jkunx sejjer Għawdex.

Din il-konġestjoni tat-traffiku għal dawn l-aħħar 13-il sena telfet is-servizz ta’ trasport pubbliku u dak t’emerġenza meta l-istennija tal-karozzi għall-vapur qabżet ’il barra mill-marshalling area, u ħoloq sfidi kbar għal oħrajn li riedu jaċċessaw iċ-Ċirkewwa f’dawn il-ħinijiet, fosthom vetturi t’emerġenza u bugħaddasa. Dan il-proġett sar biex jindirizza wkoll numru rekord ta’ traġitti li qed jiġu reġistrati lejn u minn Għawdex.

Il-Ministru Chris Bonett irrimarka kif biż-żieda ta’ żewġ korsiji minflok waħda mill-Armier saċ-Ċirkewwa, wassal għal organizzazzjoni aħjar ta’ din iż-żona u tnaqqis fit-traffiku.

“L-għan ta’ dan il-proġett dejjem kien li jiġi ffaċilitat aħjar il-vjaġġ lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa għal kull min jaqsam il-fliegu. Wara li x-xahar li għadda tlesta b’suċċess x-xogħol fuq it-triq lejn il-bajja tal-Għadira, issa nistgħu ngħidu li l-infrastruttura mill-bidu tat-Triq il-Marfa sat-Terminal taċ-Ċirkewwa hija kompletament ġdida. B’hekk, filwaqt li qed insaħħu il-valur ta’ din iż-żona qegħdin nagħtu infrastruttura aħjar lil kull min jagħmel użu minnha,” saħaq il-Ministru Bonett.

Il-proġett sar fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, bl-istrutturi tal-ħadid li jifirdu liż-żewġ karreġġjati nbiddlu u minflokhom saru strutturi tal-konkrit li huma ċertifikati li joffru l-aqwa sigurtà possibbli. Il-bidla ta’ dawn l-istrutturi, li Infrastructure Malta introduċiet għall-ewwel darba fl-2019, għamilha iżjed possibbli biex jintrebaħ iżjed spazju. Id-disinn il-ġdid tat-triq ħaseb biex jiġi eliminat l-ivvjaġġar ta’ vetturi min-naħa għall-oħra, waqt li ġiet installata sistema ta’ dawl ġdida u żieda fil-miżuri ta’ sigurtà.

Ingħatat importanza wkoll liċ-ċiklisti, bit-twessiegħ f’ċertu żoni tal-karreġġjata tar-roti eżistenti fit-triq mir-roundabout tal-Marfa saċ-Ċirkewwa. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, li bdew f’nofs Frar, tlestew kif imwiegħed qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajf.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport