Saturday, May 18, 2024

Jitlesta l-proġett tal-footbridge bejn Ħal Qormi u l-Marsa

Investiment infrastrutturali ieħor ta' €3.5 miljun

Aqra wkoll

Infrastructure Malta (IM) lestiet l-aħħar fażi tal-passaġġ il-ġdid fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa, li qiegħed jintuża miċ-ċiklisti u bil-mixi, b’investiment ta’ €3.5 miljun. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Perit Raphael Abdilla min-naħa ta’ Infrastructure Malta. 

Il-Ministru Farrugia qal li dan l-investiment qed joħloq aċċess aħjar għan-nies li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, mir-rota jew bil-mixi bejn il-lokalitajiet u ż-żoni differenti madwar dawn il-pontijiet u s-subways il-ġodda, filwaqt li qed jipprovdi aktar sigurtà.

Dan il-passaġġ il-ġdid fetaħ rotta aktar sigura għall-mixi u bir-rota bejn żoni residenzjali differenti tal-Marsa u ċ-ċentru ta’ Ħal Qormi (minn Sqaq il-Ġerrejja)

L-aġenzija kienet lestiet l-ewwel fażi tal-proġett—inkluż l-istruttura ewlenija tal-pont li fiha 30 metru, u tiżen 40 tunnellata u imqiegħda fuq żewġ pilastri tal-azzar li jinsabu fuq il-ġnub ta’ Triq it-Tiġrija, li hija t-triq b’erba’ karreġġjati li tgħaqqad Triq Diċembru Tlettax mal-Bypass tal-Marsa u l-Ħamrun, tul ir-rotta prinċipali tan-network TEN-T. 

It-tliet torrijiet li fuqhom hemm iserrħu ż-żewġ pontijiet jinkludu turġien u liftijiet spazjużi biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd. Huma mgħammra bid-dawl u kameras tas-sigurtà biex jiżguraw is-sigurtà pubblika. Infrastructure Malta installat sistemi ġodda ta’ tisqija filwaqt li ħawwlet numru ta’ siġar, arbuxelli u pjanti. 

Dan il-proġett neħħa riskju għas-sigurtà tul rotta pedonali popolari ħafna miċ-ċentru tal-Marsa (inħawi ta’ Triq Il-Jum u Triq Il-Marsa) lejn diversi postijiet tal-Marsa u Ħal Qormi fuq in-naħa l-oħra ta’ Triq It-Tiġrija, inkluż il-Marsa Park and Ride bus terminus (Triq L-Iljun, Ħal Qormi), il-Marsa Sports Grounds u bosta żoni industrijali u residenzjali oħra fil-qrib. Biex jaslu għal dawn id-destinazzjonijiet, ħafna nies kienu jaqsmu l-ħames korsiji ta’ Triq It-Tiġrija mingħajr ebda forma ta’ qsim sigur.

Dan il-passaġġ huwa t-tmien konnessjoni għaċ-ċiklisti u dawk li jagħmlu użu minnhu bil-mixi li Infrastructure Malta żiedet man-netwerk tat-toroq Malti. 

Sport