Friday, May 23, 2025

Jitlesta proġett b’investiment ta’ €3 miljun fil-patoloġija diġitali

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li saret fi ħdan il-Public Service Expo Village 2025, tħabbret it-tlestija ta’ proġett fil-patoloġija ċellulari diġitali. Dan kien possibbli b’investiment ta’ €3 miljun, li 80% tagħhom ġew minn fondi Ewropej.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega li dan il-proġett għandu l-għan li jiddiġitalizza l-fluss tax-xogħol kollu fid-Dipartiment tal-Patoloġija Ċellulari u se jippermetti lill-patoloġisti jaqilbu minn mikroskopju tradizzjonali għal ambjent diġitali għar-rappurtar ta’ każijiet ta’ kanċer. Tkellem ukoll dwar kif wieħed mill-irwoli prinċipali tad-Dipartiment huwa li jipprovdi dijanjosi tal-kanċer u informazzjoni lit-tobba u lill-onkoloġisti dwar kif l-aħjar jikkuraw lill-pazjenti onkoloġiċi.

“Il-qalba għad-diġitali fid-Dipartiment tal-Patoloġija Ċellulari huwa mument storiku. B’dan l-investiment, id-Dipartiment se joffri ħafna aktar preċiżjoni u kura speċjalizzata u kura ffukata fuq il-pazjent,” kompla l-Ministru Jo Etienne Abela.

Il-ministru qal ukoll li dan l-investiment ser jgħin fejn tidħol is-sostenibbiltà, billi l-ħidma ssir f’ambjent mingħajr karti u tiġi ffaċilitata t-telepatoloġija, u b’hekk l-impatt fuq l-ambjent jitnaqqas b’mod sinifikanti. Semma wkoll li sar xogħol infrastrutturali tal-IT u tan-networking tal-isptar u tal-patoloġija ċellulari fejn dawn ġew immodernizzati biex jiġu miżmuma volumi għoljin ta’ trasferiment ta’ data. Barra minn hekk, it-tagħmir eżistenti ntuża b’mod aktar effiċjenti biex jinħażnu immaġini patoloġiċi f’format diġitali.

“Illum huwa pass importanti favur id-diġitalizzazzjoni li jallinja mal-Viżjoni Malta 2050. Permezz ta’ dan l-investiment mhux biss qed ngħinu lill-ispeċjalisti tagħna, imma wkoll qed tiġi mtejjba l-kura li qed noffru lil pazjenti Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-ministru.

Min-naħa tiegħu, Dr Christopher Barbara, iċ-Chairman Kliniku tal-Patoloġija fi ħdan l-Isptar Mater Dei, innota b’sodisfazzjoni dan il-pass diġitali. “Il-patoloġista issa se jkun qed jara ċ-ċelloli b’użu ta’ high definition monitors u r-riżultati joħorġu b’aktar ħeffa. Qed jintuża wkoll immunohistochemistry fejn jiġu ttestjati receptors speċifici. B’hekk tista’ tingħata kura personalizzata lill-pazjenti b’aktar suċċess ta’ fejqan,” spjega Dr Barbara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport