Friday, November 15, 2024

Jitlesta r-restawr tal-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li tlesta r-restawr tal-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi li nbniet f’nofs is-seklu sbatax.

Matul il-proġett, li sar kollu mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr, inkixfu diversi elementi li fil-bidu tal-proġett ma kinux magħrufa, jew li kienu magħrufa minn dokumenti kartografiċi imma li ma kinux għadhom jidhru għax kienu moħbija taħt elementi oħra, fosthom il-pedamenti ta’ struttura tas-seklu tlettax.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokal Owen Bonnici qal li t-tlestija ta’ dan il-proġett hija ħolma li saret realtà għall-Qrendin u saħaq li l-kollaborazzjoni bejn diversi professjonijiet u snajja’ għamlet id-differenza kollha. “Dan kien proġett li ra kollaborazzjoni vasta bejn storiċi, periti, arkeoloġisti, persuni speċjalizzati fit-teknoloġija tad-dokumentazzjoni, restawraturi u ħaddiema mħarrġa bi snin ta’ esperjenza fir-restawr, fost oħrajn,” sostna l-Ministru Bonnici.

Żied jgħid li bħala gvern kienu kommessi li jirrestawraw il-binja sħiħa. “Il-proċess ta’ restawr ta l-frott u nstabu diversi sejbiet importanti ta’ valur storiku u artistiku. Illum qed inroddu lura wirt storiku, mhux biss lill-poplu tal-Qrendi imma lill-poplu Malti, sit li permezz tar-restawr ġie valurizzat aktar,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-ħaddiema kollha. “Permezz ta’ restawr fuq postijiet u monumenti storiċi nkunu qed nippreservaw il-wirt kulturali Malti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, filwaqt li ngħollu l-valur tal-lokalitajiet tagħna u nsaħħu l-kompetittività tal-gżejjer Maltin fis-settur turistiku,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Il-perit inkarigat minn dan ix-xogħol Ivana Farrugia spjegat fid-dettall dan il-proġett. “Sibna diversi elementi ta’ dekorazzjoni polikromatika moħbija taħt iż-żebgħa. Reġgħu ġew applikati l-kuluri oriġinali tal-istatwi ta’ barra u tal-istemma li tmur lura għall-aħħar tas-seklu sbatax, bidu tas-seklu tmintax. L-istess sar fir-rigward tal-ħajt ta’ wara l-artal u tat-trompe l’oeil (illużjoni ottika) tal-koppla. Instabet ukoll dekorazzjoni artisitika antika fuq il-bieb tas-sagristija u nkixfet iskrizzjoni – vers mill-Bibbja – ’il fuq mill-kwadru titulari. L-aktar skoperta interessanti seħħet waqt xogħol ta’ restawr fuq l-art tal-knisja meta nkixfu l-pedamenti ta’ struttura qadima, probabbilment tal-knisja, li tmur lura għas-seklu tlettax, li tissemma f’dokumenti storiċi,” spjegat il-Perit Farrugia.

Il-proġett ra wkoll kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kunsill Lokali tal-Qrendi, immexxi mis-Sindku David Schembri, li kien preżenti u ħa sehem fiċ-ċerimonja.

Ekonomija

Sport