Friday, December 20, 2024

Jitlesta x-xogħol fuq ġnien fil-Fgura – jitħawlu madwar 200 siġra u arbuxell

Aqra wkoll

Permezz ta’ investiment ta’ madwar €40,000 tlestew diversi xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fil-ġnien ta’ Pjazza Patri Redent Gauci fil-Fgura.  

Dan tħabbar mill-Kunsill Lokali tal-Fgura fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera.

L-interventi jinkludu xogħol ta’ tisbiħ, installazzjoni ta’ bankijiet, kameras tas-sigurtà, u rubber flooring fost xogħol ieħor ta’ rinnovazzjoni. 

Il-Ministru Aaron Farrugia faħħar din l-inizjattiva mill-kunsill biex jiġi riġenerat spazju miftuħ fil-komunità filwaqt li spjega li minħabba l-bżonn li jkun hawn ambjent iktar ħadrani fiż-żoni urbani, Ambjent Malta tat sehemha f’dan il-proġett billi ħawlet 200 siġra u arbuxell. 

Filwaqt li ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex jikkunsidraw aktar proġetti ħodor, il-Ministru Farrugia qal li interventi bħal dawn ikomplu jtejbu l-ambjent urban f’pajjiżna u jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. 

Il-Ministru Farrugia spjega li l-gvern qed dejjem isaħħaħ l-impenn tiegħu biex jiżdiedu l-inizjattivi ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni tal-ambjent Malti rurali u urban, hekk kif numru ta’ żoni fl-urban qed jiġu riġenerati u jibbenefikaw minn proġetti ta’ tħaddir u afforestazzjoni minn Ambjent Malta u Greenserv, kif ukoll permezz ta’ fondi mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

“Dan huwa proġett integru li jagħti ġieħ lill-Kunsill Lokali tal-Fgura. Dan għaliex jirrispetta l-aspett ambjentali filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi spazju kreattiv għall-komunità. Sar indispensabbli li jkollna proġetti simili sabiex il-komunitajiet tagħna jkollhom spazji miftuħa li huma neċċesarji għall-benesseri tagħhom,” qal il-Ministru Herrera.

“Onorati li bħala kunsill qed ninawguraw din il-pjazza biex naraw it-tfal siguri fil-ħin liberu tagħhom. Dan il-proġett se joffri serħan il-moħħ lilhom u lill-ġenituri tagħhom. Ħadna l-opportunità biex nibdew ix-xogħol waqt il-pandemija biex immedjatament wara x-xogħol ikun lest – proġett li jiġbor l-involviment ta’ ħafna għaqdiet Fgurin differenti”, qal is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli.

Ekonomija

Sport