Wednesday, April 24, 2024

Water dispensers pubbliċi biex jitnaqqas l-użu tal-plastik

Aqra wkoll

Għal €00.20c tista’ timla litru ilma fi flixkun li jista’ jibqa’ jintuża grazzi għal water dispensers li qed jitpoġġew f’lokalitajiet differenti.

Dan tħabbar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma waqt li kienet qed tispjega l-pjanijiet tagħha biex l-ilma tax-xorb ikun aċċessibbli aktar għan-nies filwaqt li tiddiversifika s-servizz offrut lill-konsumaturi.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li b’dawn id-dispensers pubbliċi, se jkompli jissaħħaħ l-impenn ta’ pajjiżna sabiex jitnaqqas l-użu tal-plastik u l-carbon footprint tal-produzzjoni tal-plastik. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex juża iktar kontenituri reusable.

Fil-fatt, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġà installat mas-70 dispenser fl-Isptar Mater Dei għal użu bla ħlas. B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, se jkunu qed jiżdiedu mal-200 dispenser fl-iskejjel, għal użu bla ħlas ukoll.

“Li nnaqqsu l-użu tal-plastik hija mira nazzjonali li rridu nilħqu bħala parti mill-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. B’din l-inizjattiva, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed toffri wkoll aċċess aktar faċli għall-ilma tax-xorb f’lokalitajiet differenti bi prezz irħis,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Nemmen li aktar ma naraw dispensers ta’ dan it-tip f’postijiet pubbliċi, aktar se nħeġġu bidla fil-mentalità għal azzjonijiet żgħar li jagħmlu differenza kbira,” żiedet il-Ministru Dalli.

Biex tkun assigurata s-sigurtà, il-pagament mill-water dispensers pubbliċi se jkun contactless.

Il-prezzijiet biex il-klijenti jagħmlu użu mid-dispensers f’lokalitajiet pubbliċi huma ta’:

500ml1000ml
Still Water10c20c
Sparkling Water20c40c

Dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ proġetti li qed tagħmel il-Koperattiva għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) biex tkompli toffri servizz ta’ kwalità lill-konsumaturi. 

Sport