Friday, June 14, 2024

Jitlestew ix-xogħlijiet maġġuri biswit l-Ajruport

… lest 70% tal-proġett tal-Junction ta’ Ħal Luqa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-proġett li qed isir biswit l-ajruport, magħruf bħala l-Kirkop Tunnels and Intersection Project (KTAIP) ħa deher oħra wara li tlestew ix-xogħlijiet maġġuri li kien baqa’. Issa jonqos biss affarijiet żgħar biex il-proġett ikun tlesta għalkollox.

B’hekk huwa maħsub li se tiġi mtaffija l-konġestjoni tat-traffiku f’dawn l-inħawi.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €21 miljun, li huma parzjament iffinanzjati minn fondi Ewropej. Ix-xogħlijiet kienu bdew f’Jannar ta’ sentejn ilu u jinkludu fost oħrajn il-bini ta’ underpass b’erba’ karreġġjati, flyover u anke l-bini mill-ġdid tar-roundabout.

Fil-jiem li ġejjin, il-proġett se jgħaddi kompletament għand l-awtoritajiet billi se jkunu tlestew x-xogħlijiet kollha inklużi sinjali fl-art u oħrajn li jindikaw id-direzzjonijiet. Eżatt wara jibda x-xogħol ta’ tisbiħ, tħawwil ta’ siġar u dwal modern li jikkumplimenta l-proġett tal-ajruport.

Ritratt: Talk.mt

Wieħed irid jinnota li x-xogħlijiet li damu ma tlestew aktar milli previst minħabba intoppi li nqalgħu fosthom bdil fis-sistema tal-ilma u anke billi f’xi mumenti x-xogħlijiet kellhom jieqfu minħabba l-maltemp.

Fil-kummenti tiegħu dwar dan il-proġett, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon qal li “llum qed niċċelebraw dan it-tragward importanti. Il-proġett tal-KTAIP ma kienx ikun possibbli mingħajr ix-xogħol tal-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta, entitajiet varji tal-Gvern u l-kuntratturi.”

Filwaqt li rrikonoxxa li dan il-proġett ħoloq xi ftit tal-inkonvenjenza, huwa iżda qal li l-benefiċċji tiegħu għad irridu narawhom. Tenna wkoll li dan il-proġett se jkun qiegħed itejjeb l-aċċess mhux biss għall-ajruport imma anke għall-Freeport.

Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta ta wkoll ħarsa lejn ix-xogħol li għaddej fuq il-proġett tal-Junction ta’ Ħal Luqa. Qal li s’issa tlesta 70% ta’ dan il-proġett u fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetħu rotot ġodda tal-istess proġett.

Fil-fatt lejn l-aħħar ta’ Mejju se jkun hemm żewġ karreġġjati kontinwi minn Vjal l-Avjazzjoni fid-direzzjoni lejn Triq il-Kunsill tal-Ewropa. F’nofs Ġunju mistenni li jinfetħu żewġ karreġġjati fid-direzzjoni ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa lejn Vjal l-Avjazzjoni u lejn l-aħħar ta’ Ġunju se tinfetaħ rotta kontinwa minn Vjal l-Avjazzjoni lejn Ħal Qormi.

Ix-xogħol fuq il-proġett tal-Junction ta’ Ħal Luqa beda f’Settembru tal-2021 u qed isir b’investiment ta’ €11-il miljun, ukoll parzjalment finanzjat minn fondi tal-UE. Dan il-proġett jinkludi underpass b’karreġġjata waħda, flyover u ‘storm water system’.

Ekonomija

Sport