Tuesday, March 26, 2024

Jitlestew xogħlijiet fuq 600 blokok ta’ housing f’erba’ snin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mill-2017 sal-lum, twettaq xogħol ta’ tisbiħ u titjib fuq aktar minn 600 blokka fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali mxerrdin madwar il-pajjiż. Meta wieħed iqis illi l-istokk eżistenti jlaħħaq l-1,117-il blokka, dan ifisser li tlestew xogħlijiet fuq 54% tal-blokok kollha tal-akkomodazzjoni soċjali li fihom qed jgħixu eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes meta f’konferenza tal-aħbarijiet kien qed jagħti rendikont dwar il-ħidma tal-Awtorità tad-Djar fuq riġenerazzjonijiet u tranġar fil-blokok t’akkomodazzjoni soċjali. 

Minkejja li diġà sar dan ix-xogħol kollu, il-Ministru Galdes wiegħed li fix-xhur li ġejjin mistennija li jsiru xogħlijiet oħrajn. Huwa qal li biex wasalna għal dan it-tragward ittieħdu numru ta’ miżuri differenti. Twettaq xogħol ta’ manutenzjoni, intuża l-baġit nazzjonali għall-housing u l-Gvern irrikorra b’suċċess għal fondi Ewropej biex tingħata għajnuna lir-residenti bi sfida ta’ mobbiltà.

“Qed inżommu mal-wegħda li nduru l-faċċati u l-partijiet komuni tal-blokok kolla tal-akkomodazzjoni soċjali. S’issa saret riġenerazzjoni tal-faċċati u tisbiħ tal-partijiet komuni f’175 blokka minnhom. Sa tmiem is-sena se nlestu wkoll it-tisbiħ u anke r-riġenerazzjoni tal-faċċati fuq 61 blokka oħra,” kompla jispjega l-Ministru Galdes. 

Huwa qal ukoll li bejn l-investiment qawwi mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali u l-iskema LFT hemm 38 blokka mill-istokk il-qadim li kellhom ukoll lift installat matul ix-xhur li għaddew. Dan in-numru mistenni jitla’ għal 158 blokka sal-aħħar tas-sena 2022. 

Dan hu proġett ambizzjuż li fih id-diffikultajiet tiegħu, speċjalment meta wieħed iqis li dawn huma binjiet antiki. Investiment fil-ġebel imma li finalment se jkun qiegħed isarraf f’investiment fil-ħajja ta’ ħafna nies. 

Investiment li bix-xogħlijiet li se jkunu tlestew għal din is-sena se jkunu tela’ għal 12-il miljun, l-akbar spiża fil-manutenzjoni li daħal għaliha l-Gvern mil-2017 lil hawn. Flimkien ma’ dan,  €15-il miljun oħra li nġiebu Fondi Ewropej fuq l-installazzjoni ta’ lifts ġodda.

“Din hi sistema ta’ housing li qed nimplimentaw li tfittex li ttejjeb il-livell tal-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin. Qegħdin insaħħu l-komunitajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay.

Ekonomija

Sport