Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia tressaq Daniel Muka ta’ 25 sena akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema.
L-Uffiċjal Prosekutur l-Ispettur James Grech li spjega kif il-Pulizija kienet qed tinvestiga l-omiċidju ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski li seħħ fit-18 ta Awwissu filgħaxija.
Huwa qal li mill-investigazzjoni tal-pulizija u cctv cameras li nġabru fl-inħawi kellhom stampa aktar ċara tal-persuni involuti fil-każ bil-pulizija tidentifika wieħed minnhom bħala Daniel Muka.
L-Ispettur Grech qal li l-Maġistrat inkwerenti kien infurmat b’dan l-iżvilupp u nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Muka. Irriżulta li huwa kien qiegħed joqgħod il-Furjana u li fl-ahhar jiem ma kienx qiegħed jiffirma l-għassa kif kellu jagħmel.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-difiża f’dan l-istadju ma titlobx għall-ħelsien mill-arrest.
Iżda d-difiża talbet li l-akkużat ikun eżaminat minn psikjatra biex jassessja l-istat mentali tiegħu, bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għal dan. Il-Qorti ħatret lil Dr Anthony Zahra biex jeżamina lill-imputat.
Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi tal-imputat. Muka baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
L-Avukati Noel Bianco u George Anton Buttigieg dehru għall-Albaniż.
12:35 p.m: Ftit tal-minuti ilu għadu kemm iddaħħal il-Qorti wieħed mis-suspettati involuti fil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski. Fil-filmat li ttieħed xi ħadd minn fost numru ta’ persuni li kienu qegħdin jistennew il-wasla tiegħu nstema’ jgħajjat “Assassin” hekk kif Daniel Muka deher dieħel akkumpanjat minn numru ta’ uffiċjali.
Fil-Qorti hemm sigurtà stretta b’numru ta’ uffiċjali involuti u hemm preżenti wkoll diversi persuni li kienu viċin tal-vittmi fosthom qraba.
Qabel: Daniel Muka, is-suspettat ewlieni fil-qtil doppju f’Tas-Sliema, mistenni jitressaq il-qorti fis-sigħat li ġejjin.
Matul il-ġurnata tal-bieraħ, l-investigaturi komplew għaddejjin bl-interrogazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-qtil ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski.
Intant matul il-lejl li għadda, il-pulizija rnexxielha tarresta t-tieni suspettat fil-qtil doppju. Huwa kien qed jistaħba f’lukanda fil-Gżira.