Monday, April 20, 2026

Jitnedew 4 skemi t’inċentivi sabiex isaħħu impjiegi ta’ kwalità u jkomplu jixprunaw tkabbir sostenibbli f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar 4 skemi t’inċentivi sabiex ikompli jiġi stimulat il-progress ekonomiku u operattiv f’Għawdex. Dawn huma: Is-Supporting Sustainable Quality Employment Scheme, is-Supporting Knowledge based Sectors in Gozo Scheme, is-Supporting Marketing Initiatives for the Accommodation Sector in Gozo Scheme u l-Promoting Gozo’s Niche Tourism Markets Scheme.

Il-Ministru Camilleri stqarr li “Filwaqt li l-qgħad f’Għawdex huwa prattikament ineżistenti, l-objettiv ta’ wħud mill-iskemi huwa sabiex ninċentivaw lil min iħaddem ikompli joffri impjiegi ta’ valur miżjud filwaqt li nsostnu aktar impjiegi stabbli u b’kundizzjonijiet kompetittivi. Fl-aħħar snin, il-progress ekonomiku f’Għawdex kien bla preċedent u skont l-aktar statistika riċenti mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-Prodott Gross Domestiku żdied b’61% fl-aħħar erba’ snin. Fl-istess perjodu, kellna żidiet sinifikanti f’setturi meqjusa ta’ valur għoli, fosthom is-settur tal-Finanzi u l-Assikurazzjoni li ra żieda ta’ 38% fl-impjiegi, filwaqt li s-settur tal-Informatika u Kommunikazzjoni ra żieda ta’ 36%.”

Is-Supporting Sustainable Quality Emploment Scheme għandha l-għan li ssostni impjiegi li huma aktar stabbli u li fl-istess waqt ikunu offruti pagi aktar kompetittivi. Fost id-diversi kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impjieg irid ikun f’Għawdex filwaqt li l-impjegat ikun residenti f’Għawdex ukoll. L-impjieg irid ikun ġie ġġenerat minn Novembru 2025 ’il quddiem. Fl-aħħar sentejn, din l-iskema iġġenerat €348,000 f’inċentivi.

Is-Supporting Knowledge based Sectors in Gozo Scheme hija mmirata biex tkompli tinċentiva impjiegi ta’ valur miżjud. Eliġibbli huma impjiegi f’Għawdex, filwaqt li l-impjegat ikun residenti f’Għawdex. L-impjieg irid ikun ġie ġġenerat minn Novembru 2025 ’il quddiem. Fl-aħħar sentejn, din l-iskema provdiet €122,000 f’inċentivi b’60% jmorru fil-qasam legali, finanzi, u dak diġitali.

Is-Supporting Marketing Initiatives for the Accommodation Sector in Gozo Scheme toffri sapport lis-setturi tal-akkomodazzjoni turistika sabiex itellgħu aktar kampanji promozzjonali diġitali u professjonali, bl-objettiv li turiżmu ta’ valur miżjud ikun aktar immirat.

Il-Promoting Gozo’s Niche Tourism Markets Scheme toffri sapport lil-operaturi fil-qasam biex jipparteċipaw f’fieri internazzjonali tat-turiżmu u jwettqu kampanji promozzjonali sabiex, Għawdex ikompli jiġi preżentat bħal destinazzjoni ta’ esperjenza.

Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza li dawn l-iskemi huma parti minn viżjoni ċara għal Għawdex aktar b’saħħtu u sostenibbli, fejn it-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-kwalità tal-ħajja tar-residenti. “Se nibqgħu ninvestu f’miżuri li joħolqu opportunitajiet ġodda, isaħħu s-setturi strateġiċi u jpoġġu lil Għawdex fuq quddiem nett bħala ekonomija moderna, reżiljenti u innovattiva,” temm jgħid il-Ministru.

Aktar informazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn l-iskemi tinsab fuq investgozo.gov.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport