Fil-2017 il-Prim Ministru Muscat kien irrapporta u ppubblika dokument li fih kien juri li 90 fil-mija tal-wegħdi fil-manifest elettorali ġew implimentati. Fil-2017 ukoll kien l-avukat Aaron Farrugia li kien responsabbli bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali fejn dan kellu rwol dirett fis-segwitu tal-miżuri. Taħt il-Prim Ministru Abela ntużat sistema simili għal dik li kienet tintuża taħt il-Prim Ministru Muscat, imma b’xi tibdiliet.
Kemm l-eks Prim Ministru Muscat kif ukoll il-Prim Ministru Abela nnifishom bħala Prim Ministru jsegwu l-proċess tal-implimentazzjoni ta’ kull wegħda li tkun saret fil-manifest elettorali. Issa hemm ukoll unit apposta li joħroġ aġġornamenti pubbliċi. Liema rapporti jżommu lill-poplu aġġornat fuq kull wegħda fejn tkun waslet fl-implimentazzjoni tagħha.
Wegħdi mwettqa
Fl-aħħar rapport tal-2025 il-gvern qal li aktar minn 70 fil-mija tal-miżuri tal-manifest elettorali tal-2022 jew twettqu jew jinsabu fi stadju avvanzat li jiġu implimentati b’mod komplut. Dan il-manifest kellu elf wegħda u allura l-Prim Ministru stess kien qal li dawn sejrin ikunu 100 proġett li permezz tagħhom il-poplu sejjer itejjeb il-livell tal-għajxien tiegħu b’mod massiċċ.
Fl-aħħar rapport dwar fiex wasal ix-xogħol fuq il-wegħdi elettorali juri ċar li mal-89 fil-mija tal-wegħdi jew ġew imwettqa jew qegħdin fi stat avvanzat li jitwettqu. Xogħol fuq 11 fil-mija tal-wegħdi biss għadhom fil-proċess li jibda’.
Eżempju ta’ miżuri li twettqu:
- Taxxa: tnaqqis tat-taxxa għal min jaqla’ bejn 60 u 80K imwettqa fil-baġit 2024.
- Enerġija: skema ta’ pannelli solari b’għotja ogħla – imwettqa 2023.
- Saħħa: mediċini b’xejn għal aktar kundizzjonijiet kroniċi – imwettqa fi stadji bejn 2022 sal-2025.
- Pagi: żieda fil-paga minima kull sena + COLA sħiħa – imwettqa kull baġit.
- Trasport: trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd imwettqa minn Ottubru 2022.
Hemm ukoll miżuri li għadhom għaddejjin bħal:
- Il-proġett tal-metro – studji għadhom għaddejjin.
- Riforma tal-ippjanar – bidliet fil-liġijiet ippreżentati, għadhom ma għaddewx kollha mill-parlament.
- 1000 siġra fis-sena f’kull lokalità – miexi imma għadu mhux 100% milħuq fil-lokalitajiet kollha.
Għalfejn qiegħed ngħid dan kollu? Anzi nibda billi nisfida lill-Partit Nazzjonalista jipproduċi kemm kienu l-wegħdi elettorali li għamlu u kemm implimentaw minnhom leġiżlatura leġiżlatura tul il-perjodu li huma għamlu jiggvernaw. Naf ċert li mhux sejrin jippreżentaw xejn għalhekk nista’ ngħid li għall-kuntrarju l-Partit Laburista fil-gvern jista’ jitkellem u jirreferi għar-rapporti diġà ppreżentati u li allura jekk xi ħadd ikun interessat jista’ jfittex u jsib ta’ kemm kienu l-wegħdi elettorali leġiżlatura leġiżlatura u kemm ġew imwettqin minnhom.
Kull wegħda tal-Partit Laburista hija kkalkulata u nistgħu ngħidu li dak li nwiegħdu nkunu nistgħu nwettquh. Ma nagħmlux wegħdi elettorali biex biss inkunu għamilnihom imma nwiegħdu affarijiet li nistgħu nwettqu u li l-poplu jista’ jtejjeb l-għajxien u l-livell tal-għajxien tiegħu. Il-Labour għandu rekord assolut li gvernijiet tiegħu jistgħu jgħidu x’wiegħdu u x’implimentaw. Issa aħna li għexna u konna parti mill-gvern Laburista ta’ dawn l-aħħar 13-il sena nafu li mhux biss wettaqna l-manifest elettorali imma wkoll wettaqna ħafna iktar milli kien hemm imwiegħed.
Serjetà
Il-punt kollu li rrid nipprova b’dan kollu huwa li l-Partit Laburista dak li jwiegħed iwettqu u mhux qabel l-elezzjoni jgħid mod u wara l-elezzjoni jgħid mod ieħor jew joqgħod iġib ħafna skużi biex ma jwettaqx dak li jkun wiegħed. Hemm bl-iswed fuq l-abjad il-wegħdi u hemm bl-iswed fuq l-abjad x’sar u meta sar. Dik serjetà. Il-PN jista’ jurina l-istess?
Issa hawn allura għandna eżempju ċar ta’ kif jaġixxu iż-żewġ partiti l-kbar: il-Labour jwiegħed u jwettaq dak li jwiegħed u l-PN jwiegħed kollox lil kulħadd, forsi jinstema’ sabiħ iktar mill-Labour imma wara li jitla’ fil-gvern ma jwettaqx dak li jkun wiegħed.
Niftakar l-20 punt li darba kellhom qabel elezzjoni partikolari, mal-ħin kulħadd beda jgħid biex naraw il-21 punt, li dan kien jgħid minn dak li wegħedna ma hemm xejn. Mhux sewwa li jkollok din it-tip ta’ politika. Il-poplu ma tistax tidħaq bih u dak li twiegħed trid twettqu għaliex għalhekk tkun eleġik. Inħeġġeġ għalhekk lil kulħadd biex jieħu sehem u jagħti l-proposti tiegħu dwar dak li jixtieq jara li jsir aħjar ġewwa pajjiżna. Malta Aqwa mhux parole imma fatti. Kif jixhdu dawn l-aħħar 13-il sena dan il-Partit Laburista, il-wegħdi tiegħu mhux paroli sbieħ qabel l-elezzjoni imma proġetti sħaħ għal wara.
Inħeġġeġ lil kull żagħżugħ, nies tax-xogħol, nisa professjonisti u mhux, persuni fin-negozju jew le, anzjani tagħna, Għawdxin u Maltin. Jgħixu l-Mellieħa jew Bormla biex dak li jixtiequ li jaraw aħjar f’pajjiżna ngħiduh.
Malta l-ewwel u qabel kollox
Kieku Malta u Għawdex huma l-ġebla tal-franka, it-toroq bit-tarmak, il-baħar mielaħ, il-widien u s-siġar li għandna. Dawn issibhom tmur fejn tmur madwar id-dinja kollha. Mela Malta x’inhi? Malta u Għawdex huma l-familji tagħna f’kull forma tagħhom u meta aħna ngħidu Malta l-ewwel u qabel kollox dak li nkunu qegdin ngħidu li l-familji huma ċ-ċentru tal-politika tagħna.
Huma dawn li għalihom għandna partit u minħabba fihom naħdmu biex nirbħu elezzjoni ħalli nkunu nistgħu ntejbu l-livell tal-għajxien ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Irrelevanti jekk humiex trabi, tfal, żgħażagħ, irġiel jew nisa, anzjani jew xjuħ. Għalina tal-Labour il-wegħdi li jsiru nagħmluhom biex ntejbu l-livell tal-għajxien tal-familji tagħna kollha, irrelevanti jekk jivvutawx, jivvutawx aħmar jew blu.
L-abjad u l-aħmar
Għax qabel il-blu u l-aħmar aħna jinteressana minn kulur aħjar u aqwa, l-abjad u l-aħmar. Li ma naraw wiċċ ħadd imma naraw il-ġid kollu tal-familji tagħna kollha u għalhekk naħdmu għall-pajjiżna f’Malta u barra minn Malta biex il-pajjiż kollu jimxi ’l quddiem u l-livell tal-għajxien tal-familji kollha jitjieb. Meta l-livell tal-għajxien tal-familji jitjieb u jimxi ’l quddiem il-pajjiż jimxi ’l quddiem, jikber u jkun post aħjar biex tgħix fih.
Reġa’ wasal il-mument li niddeċiedu x’irridu mill-futur tagħna u Malta Aqwa hija x-xewqa tagħna lkoll, li nkunu aħjar, li jkollna livell ta’ ħajja aħjar, li nħallu pajjiżna aħjar għall-uliedna. Li ntejbu dak kollu li għandna biex verament għada jkun aħjar mil-lum.
Sliem.

