Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li l-ftehim mal-Iran “fil-parti l-kbira tiegħu” ġie nnegozjat u d-dettalji f’dan ir-rigward se jitħabbru dalwaqt. Huwa qal li l-ftehim jinkludi l-ftuħ mill-ġdid tal-Istrett ta’ Hormuz.
Aktar qabel, il-kelliem tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Iranjan, Esmaeil Baqaei, ġie kkwotat jgħid li l-pożizzjonijiet tal-Istati Uniti u tal-Iran kienu qed jikkonverġu f’dawn l-aħħar jiem, iżda wissa li dan ma jfissirx li se jintlaħqu ftehimiet dwar kwistjonijiet ewlenin u akkuża lill-Amerikani b’“dikjarazzjonijiet kontradittorji”.
Fuq il-midja soċjali, Trump qal li kellu “telefonata tajba ħafna” mal-mexxejja tal-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Qatar u oħrajn fuq Memorandum of Understanding dwar il-Paċi.
“Ġie negozjat, fil-parti l-kbira, ftehim, soġġett għall-finalizzazzjoni bejn l-Istati Uniti, ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u d-diversi pajjiżi l-oħra, kif elenkati,” qal Trump. “L-aspetti u d-dettalji finali tal-ftehim bħalissa qed jiġu diskussi, u se jitħabbru dalwaqt.”
Huwa qal ukoll li s-Sibt kellu telefonata mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, li “marret tajjeb ħafna”. Il-president ma tax aktar dettalji dwar il-ftehim, iżda insista li kwalunkwe ftehim “assolutament” jipprevjeni lill-Iran milli jikseb arma nukleari.
Sussegwentement, il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif qal: “Nifraħ lill-President Donald Trump għall-isforzi straordinarji tiegħu biex ifittex li jaħdem għall-paċi,” u qal li t-telefonata kienet “utli ħafna u produttiva”.
Il-Pakistan ilu jgħin biex ikun innegozjat ftehim ta’ paċi, billi anke serva bħala intermedjarju. “Nittamaw li nospitaw ir-rawnd li jmiss ta’ taħditiet dalwaqt ħafna,” huwa kiteb fuq il-pjattaforma X.

