Sunday, May 24, 2026

Ikkundannat 13 -il xahar ħabs wara li aggredixxa pulizija u għamel użu mil-laughing gas f’Paceville

Aqra wkoll

Ingliż ġie kkundannat 13-il xahar ħabs effettiv wara li ammetta għal diversi akkużi marbuta ma’ inċident li seħħ f’Paceville aktar kmieni dan ix-xahar. Csanad Dora, ta’ 31 sena minn Londra, tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati b’rabta ma’ inċident li allegatament seħħ fit-2 ta’ Mejju 2026 għall-ħabta tal-4:30am f’Paceville, San Ġiljan.

Il-każ kien jinvolvi alterkazzjoni ma’ uffiċjali tal-pulizija li matulha l-akkużat allegatament aggredixxa u rreżista lill-Kuntistabbli Hayden Mariani waqt li dan kien qed jaqdi dmirijietu.

L-akkużat ġie mixli wkoll li hedded jew ikkaġuna biża’ lill-istess uffiċjal, ikkaġuna ħsara lil proprjetà tiegħu, saq vettura mingħajr assigurazzjoni valida ta’ terzi u li kellu fil-pussess tiegħu u għamel użu rikreattiv minn DiNitrogen Oxide, magħruf bħala laughing gas.

Waqt il-proċeduri, Dora ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-qorti tatu ħin biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu u jikkonsulta mal-avukat tiegħu qabel ma kkonferma l-plea tiegħu.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-qorti qieset il-fatt li l-akkużat ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri, li għandu kondotta nadifa u li ma kienx hemm bżonn jinstemgħu aktar provi.

Madankollu, il-qorti osservat li l-liġi tobbligaha timponi sentenza effettiva ta’ priġunerija. Il-qorti għalhekk sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu 13-il xahar ħabs effettiv, filwaqt li ordnat li ż-żmien li diġà għamel taħt arrest preventiv jitnaqqas mis-sentenza.

Dora ġie ordnat ukoll iħallas multa ta’ €6,250 fi żmien 10 xhur. Barra minn hekk, il-qorti skwalifikatu milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tas-sentenza. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport