Veru li hu mix-xjuħija li wieħed jista’ jinnota kif fi żminijietna l-istili ta’ diskors u ta’ imġiba fil-ħajja ta’ kuljum, kemm privata kemm publika, saru dejjem aktar goffi. Kienet bidla li seħħet mad-dinja kollha, kif seħħet f’pajjiżna. Veru wkoll li ċerti manjieri ta’ imġiba tal-imgħoddi kienu jinħassu sottili u ta’ manjieri ċivili, waqt li jaħbu livelli profondi ta’ ipokrisija.
Il-bidla lejn l-imġiba tal-lum ilha d-deċennji tinħema. Kif naraha jien, telqet mill-bidla f’kif isiru l-films taċ-ċinema Amerikan… naħseb mis-snin 80 tas-seklu l-ieħor, meta djalogu volgari fl-espressjoni beda jinstema’ regolarment. Kien jirrifletti kif in-nies titkellem fil-ħajja ta’ kuljum u allura kien aktar “realistiku” – imma dan l-użu bħal tah spinta ’l quddiem biex isir aktar “aċċettabbli”. Infirex dejjem aktar fost tfal u żgħażagħ – mhux biss f’vokabularju vulgari imma wkoll bħala attitudni u f’forom ta’ espressjoni.
Il-mezzi soċjali ta’ kumnikazzjoni komplew il-proċess li bih il-guffaġni nvadiet għal kollox l-espressjoni u l-imġiba tal-individwi.
BASKET TAX-XIRI
Il-mudell tal-votant li l-partiti donnhom jipposjedu hu ta’ ċittadin (femminili u maskili) li jinsab f’supermarket biex jixtri dak li għandu bżonn u aktar. Kemm jista’/tista’ jsib/issib prodotti li jagħmlu l-ħajja aktar konfortabbli bi prezz (kif sar jintqal) “affordabbli”. Il-kompetizzjoni politika tintrebaħ minn min jirnexxilu jikkonvinċi l-aktar nies li qed joffri l-aktar prodotti mixtieqa bi prezz li jħajjar.
Imma kemm hu minnu li d-deċiżjoni ta’ vot tittieħed biss qisha kienet waħda dwar basket tax-xiri? X’jiġri jekk hemm prodott wieħed… jew tnejn… vitali għax-“xerrej”, imma li ma jistgħux jitpoġġew f’basket tax-xiri – bħal viżjoni tal-futur li tirrifletti valuri applikati b’mod ġenerali, dwar pereżempju ambjent, jew sens ta’ ugwaljanza soċjali, jew governanza korretta? Diffiċli dawn il-preferenzi tkebbibhom f’basket.
ŻVILUPPI DIĠITALI
Front li fis-snin ta’ gvern Laburista tmexxa b’suċċess kbir, kien il-qasam diġitali, b’fuq quddiem nett is-servizzi governattivi. Aktar minn hekk, xterdet familjarità mas-saffi soċjali kważi kollha bl-użu tal-għodda diġitali, inkluż fl-edukazzjoni. Din hi kisba importanti li ġiet imsaħħa bl-inċentivi mogħtija lil imprendituri u oħrajn li joħolqu inizjattivi diġitali fl-oqsma kummerċjali, soċjali u kreattivi.
Għal li ġej, l-isfida se tkun kif dal-progress se jiġi sostnut biex jiżgura li l-pajjiż jibqa’ fuq quddiem fil-modi vijabbli kif ix-xjenzi diġitali jikkontribwixxu għall-ekonomija u għall-benessri. Hawn ukoll – bħal f’kull qasam – iċ-ċokon tagħna jpoġġi limiti fuq kemm nistgħu naqtgħu blat. Biss, il-potenzjal hemm jinsab. Il-kisbiet tal-Labour f’dal-qasam jgħinu biex jingħata emfażi kredibbli dwaru mal-elettorat żagħżugħ jew le. Tagħmel tajjeb il-kampanja elettorali Laburista meta tagħti attenzjoni lil dal-qasam ukoll.

