“Kwalità tal-ħajja aħjar mhijiex biss paga aħjar, iżda wkoll aktar ħin mal-familja, aktar serenità u aktar appoġġ għas-saħħa mentali.” Hekk iddikjarat mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela waqt li ħadet sehem f’diskussjoni bit-tema tal-wellbeing.
Dr Abela qalet li l-manifest elettorali “Int Malta” ipoġġi lill-persuna fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.
Saħqet li matul l-aħħar snin, bis-saħħa ta’ dan il-Gvern l-ekonomija ta’ Malta kibret u għalhekk Gvern Laburista ħadem u se jkompli jaħdem biex itejjeb il-ħajja tan-nies.
Waqt l-istess diskussjoni Dr Abela għamlet referenza għal ħafna miżuri li l-mira tagħhom hija li jtejbu l-benesseri ta’ kulħadd. Irreferit b’mod partikolari għal sħubija ta’ gym b’xejn u aktar spazji miftuħa. Saqħet li l-politika ta’ Gvern Laburista trid tkompli tagħmel id-differenza fin-nies għax “il-wellbeing mhuwiex lussu, imma bżonnjuż.”
Mart il-Prim Ministru saħqet li “meta l-individwi li jkunu jifformaw parti minn dik is-soċjetà, iħossuhom stmati, appoġjati u rispettati u allura nħares ’il quddiem mhux biss biex ikollna pajjiż b’saħħtu, imma biex ikollna soċjetà b’saħħitha, soċjetà li tħossha li jifformaw parti minn dan il-pajjiż. Li int mhix biss numru, imma int persuna, għandek storja, u iva, għandek valur għal dan il-pajjiż.”
Dr Abela għamlet enfasi wkoll dwar is-saħħa mentali u anke dwar il-bżonn ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Intant fost dawk li għamlu l-intervent tagħhom fid-diskussjoni kien hemm il-Perit Daniel Micallef li kien parti mit-tim li fassal il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Tkellem dwar diversi proposti li jinsabu fil-manifest li jara li jkun miegħek f’kull pass tal-ħajja, saħansitra qabel it-twelid. Kien hawn li għamel referenza għad-deċiżjoni li ħa Gvern Laburista, biex Manoel Island, White Rocks, u Fort Campbell jinbidlu fi spazji ħodor u miftuħa, biex il-familji jkollhom aktar postijiet fejn iqattgħu ħin ta’ kwalità.

